Sunday, March 23, 2025

L-isport huwa investiment li jekk tieħdu bis-serjetá jagħtik sodisfazzjon mill-isbaħ – Bryan Grech

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

Għażilt l-atletika għax huwa sport individwali u sakemm tibqa’ b’saħħtek l-etá mhux ħa twaqqfek. Minn dejjem kont persuna b’passjoni għall-isport u nħoss li l-atletika offrietli l-opportunitá li nittestja l-limiti tiegħi u dejjem infittex li ntejjeb il-ħinijet tiegħi.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

L-isport kien parti minn ħajti minn ta’ etá żgħira, iżda bdejt nipprattika l-atletika ta’ 42 sena. Ili seba’ snin f’dan l-isport u riċentement isseħibt mat-tim ta’ Zurrieq Wolves.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Wara karriera nilgħab il-futbol ma’ diversi timijiet, kelli nsib sport alternattiv biex nibqa’ attiv u għażilt l-atletika. Il-futbol dejjem kien parti kbira minn ħajti, imma meta kelli nieqaf, kont herqan biex insib xi ħaġ’oħra li tagħtini l-istess passjoni u sodisfazzjon.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Kienu diversi l-persuni li bis-saħħa tagħhom, għażilt it-triq tal-atletika, fosthom kollegi tax-xogħol kif ukoll xi ħbieb li ltqajt magħhom fl-ewwel tlielaq li għamilt. Dawn ħajruni nissieħeb magħhom ma’ klabb jismu Raptorz.

Liema unuri prinċipali rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek sa issa?

L-unuri prinċipali fil-kategorija tiegħi kienu:

800m – 2.15.20 Marsa Track 2022; 1500m – 4.37.38 EAP 2022; 3000m – 10.09.84 Marsa Track 2024; 5K – 17.15 Attard 5K 2020; 10K – 36.07 2023

21K – -1.17.56 Lisbon Half Marathon 2023 u 42.2K – 2.55.47 Vienna 2024.

Unuri riċenti: L-ewwel fil-kategorija over 45 fin-Nofs Maratona ta’ Malta b’ħin ta’ 1.18.59 (2025).

Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?

L-aħjar riżultat tiegħi s’issa kien fit-800m fit-trakka li rnexxieli nagħmel f’ħin ta’ żewġ minuti, 15-il sekonda u 20 milli-sekonda. B’dan ir-riżultat, irnexxieli nikser ir-rekord nazzjonali tal-kategorija tiegħi. Irnexxieli wkoll nikseb ħin prestiġjuż fl-ewwel maratona tiegħi fi Vjenna b’ħin ta’ 2.55.47 fis-sena 2024. Tellieqa oħra għal qalbi kienet 5K li saret fil-Kroazja fejn ksibt midalija tal-ewwel post fil-kategorija tiegħi.

Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċita u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

L-atletika qiegħda żżid fil-popolaritá iżda għad fadal aktar xi jsir. Nemmen li tajjeb li jingħataw iżjed opportunitajiet lill-atleti f’dan l-isport.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Filwaqt li waħda mill-ħolm tiegħi seħħet diġá, dik li nikseb rekord nazzjonali fil-kategorija tieghi, fl-atletika dejjem trid tħares ‘il quddiem. Nixtieq li jkolli l-opportunitá li nikkompetti barra minn Malta fil-European Company Sport Games u nipprova nikseb midalja għal pajjiżna.

X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattika?

Dan l-isport jirrikjedi ħafna sagrifiċċji, inkluż il-ħin u d-dedikazzjoni. Spiss ikolli nqatta’ ħafna sigħat ta’ taħriġ, anke fi tmiem il-ġimgħa u waqt il-vaganzi. Tirrikjedi ukoll li tiekol kif suppost u biżżejjed irqad kif ukoll li ssib bilanċ bejn it-taħriġ tal- isport u l-familja.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Meta jkollok sessjonijiet iebsin ta’ taħriġ, huwa ta’ benefiċċju li tkun fi grupp li l-livell ta’ kapaċitajiet tagħhom ikunu tal-livell tiegħek għax wieħed jissapportja lill-ieħor. Il-kompetizzjoni nħobb insejħilha pika sportiva għaliex fl-aħħar mill-aħħar tgħin sabiex dak li jkun jikseb l-aħjar riżultat meħtieġ. L-atleta għandu dejjem iqabbel il-ħin li jġib mal-ħin tiegħu u mhux ma’ ħaddieħor.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Bħalissa qed nittrenja għan-Nofs Maratona tal-European Running Championships li ħa ssir ġewwa Leuven fil-Belġju fit-12 ta’ April u ntemm l-istaġun bil-Maratona ta’ Valencia li se ssir f’Diċembru tal-2025.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjeta li jibdew jipprattikaw l-atletika.

L-isport huwa investiment li jekk tieħdu bis-serjetá jagħtik sodisfazzjon mill-isbaħ. Jagħtik ħiliet bħal dixxiplina, saħħa mentali u sodisfazzjoni emozzjonali li jservu għal hħjjitkom kollha b’hekk inħeġġiġkom biex tibdew tipprattikaw dan l-isport.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport