Saturday, March 22, 2025

Li tkun referee mhuwiex biċċa xogħol faċli … iżda min-naħa l-oħra jagħtik sodisfazzjon kbir – Abraham Vassallo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-lotta?

Meta kont żgħir ma kontx xi sportiv kbir u lanqas il figura tiegħi ma kienet tgħin ħafna. Kont provajt swimming u football, imma mhux b’suċċess. Imbagħad darba kellna session tal-football li tħassret u xi ħbieb tiegħi stednuni immur nara kompetizzjoni tal-Lotta. Minn dak inhar ma ħaristx lura. Bdejt immur training regolari. Ħadtu b’serjeta’ kbira, beda nieżel il-piż u l-figura tiegħi irranġat ħafna. Ovvjament il-kunfidenza fija nnifsi bdiet tiżdied u bdejt inħossni tajjeb. Insomma fi ftit kliem, il-Lotta bidlitli ħajti. Llum, avolja qed nikber, nipprova mmur training regolari kemm ghalija nnifsi kif ukoll biex ngħin il-lottaturi l-oħra li jikkompetu f’isem Malti.

F’dawn is-snin kollha kelli x-xorti nirrapreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta u ta’ livell għoli, bħal Commonwealth Games, Mediterranean Games u World Championships. Nista ngħid ukoll li ġibt riżultati sodisfaċenti u llum naħdem fil-Federazzjoni bħala Segretarju u anke fuq it-tapit bħala Assisant coach u anke Referee Internazzjonali.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala referee internazzjonali ta’ dan l-isport?

Ir-rwol ta’ Referee Internazzjonali llum bidilli r-rwol fil-Lotta minn wieħed kompetittiv għal wieħed amministrattiv. Waħda mir-Regoli tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Lotta (United World Wrestling- UWW) hija li tipprovdi referee Internazzjonali kull meta tikkompeti b’tim f’kompetizzjonijiet Internazzjonali. Iżda jien inħossu wkoll mod ieħor kif nirrapreżenta lil Malta. Xi kultant inkun qed nirrefja f’postijiet fejn ikolli nispjega fejn hu pajjiżna u jibqgħu mistgħaġbin li Malta għandha referee ta’ dan il-livell. B’hekk nakkumpanja lil lottaturi Maltin kemm bħala Referee kif ukoll bħala Uffiċjal. Minn naħa l-oħra għandi dover li nżomm il-lottaturi Maltin up to date fuq kull ma jkun qed jiġri kemm rigward tibdil ta’regoli kif ukoll kompetizzjonijiet. Dan nagħmlu ukoll billi nattendi regolarment it-taħriġ tat-tim nazzjonali.

Kif tqis il-livell tal-lotta f’pajjiżna fil-preżent?

Meta tqabbel ma’ sport ieħor f’Malta naħseb li għandna livell tajjeb. Fuq livell Internazzjonali għadna l-bogħod ħafna iżda minn naħa l-oħra ngħamlu mirakli bir-riżorsi limitati li għandna u jirnexxielna niksbu riżultati li pajjiżi ikbar minna ma jirnexxielhomx. Ovvjament qatt ma hu biżżejjed u bħala waħda mill-iżgħar federazzjonijiet sportivi kemm ġewwa Malta kif ukoll barra, jirnexxielna ngħamlu biċċa xogħol tajba. L-għan jibqa dak li nghamlu isem tajjeb lil pajjiżna, inkabbru l-popolarita’ ta’dan l-isport, inħajjru iktar żgħażagħ jipparteċipaw biex fl-aħħar mill-aħħar inkomplu nikkompetu u nakkwistaw riżultati aħjar milli għamilna s’issa.

U dak tar-riżorsi fejn isiru l-kompetizzjonijiet?

It-taħriġ isir ġewwa skola Sekondarja tan-Naxxar. Illum il-post qed isir żgħir wisq minħabba n-numru ta’ lottaturi li bil-mod il-mod qed dejjem jikber. Bħala Kompetizzjonijiet, speċjalment wara li issa erġajna qed norganizzaw it-Tournament Internazzjonali ta’ Malta, dan ikollna norganizzawh f’post ikbar. Grazzi għall-ghajnuna minghand Sportmalta u l-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) dan organizzajnih fil Kumpless tal-Marsa u kien veru suċċess. Idealment li kieku jkollna l-post tagħna għax bħalissa qeghdin fi skola u l-post filgħodu jintuża mill-istudenti. Is-sitwazzjoni tista tkun aħjar, imma kollox ma kollox, qegħdin ninqdew.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek bħala referee f’dan l-isport?

Ir-Refereeing jagħtini sodisfazzjon kbir. Kien mod kif nibqa’ f’kuntatt mat-tapit u mal-kompetizzjonijiet u nħoss li huwa anke servizz għax mingħajr uffiċjali, kompetizzjonijiet ma jsirux. Fil-karriera tiegħi diga kelli x-xorti nirrefja fil-Commonwealth Games 2018 ġewwa l-Awstralja u fl- U23 World Championships li saru ġewwa l-Albania s-sena l-oħra. Bħalissa għaddej minn proċess ta’ courses u eżamijiet u jekk jirnexxieli inkun ilħaqt l-ogħla livell bħala Referee u b’hekk inkun nista nintgħażel biex nirrefja fl-Olimpjadi. Il-mira huma l-Olimpjadi f’Los Angeles 2028 jew Brisbane 2023. Sadanittant nibqa’ nirrefja f’kompetizzjonijiet internazzjonali tal-United World Wrestling.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir referee tal-lotta.

Nammetti li tkun referee mhuwiex biċċa xogħol faċli speċjalment meta l-kompetituri ikunu qed jitqatlu għal unuri kbar. Iżda min-naħa l-oħra dan jagħtik sodisfazzjon kbir, tiltaqa ma ħafna nies, iżżur ħafna pajjiżi u tagħmel esperjenzi ġodda. Jekk fil-fond ta’ qalbek tkun taf li kont imparzjali u li ħadt l-aħjar deċiżjoni f’dak il-mument, allura xogħolok ser ikun apprezzat u ser tkun stmat kull fejn tmur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport