It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU kisbet l-għarfien uffiċjali fl-Aġenzija tal-Qrati ta’ Malta. Dan l-eżerċizzju seta’ jseħħ wara li 55% tal-impjegati kollha fl-Aġenzija huma membri tal-GWU u ntalbet verifika mid-DIER. Rikonoxximent li ngħata wara l-proċess ta’ verifika.
Il-proċess għat-talba ta’ verifika ilu għaddej għal żmien twil fejn matulu l-GWU baqgħet reżiljenti quddiem l-isfidi kontinwi li sabet.
“Dan ir-rikonoxximent mhux biss jikkonferma l-appoġġ qawwi tal-impjegati lejn il-GWU, iżda wkoll tefa’ piż ta’ responsabbiltà fuq il-GWU biex il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-Qrati taghna jkomplu jissaħħu. Issa wara dan ir-riżultat tibda ħidma sħiħa biex isir Ftehim Kollettiv biex inkomplu ntejbu sostanzjalment il-benefiċċji u l-pagi tal-ħaddiema,” qal id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri.
Il-GWU tisħaq li se tibqa’ impenjata li tkompli taħdem għall-ġid tal-membri tagħha u biex tiżgura li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati u protetti.