Thursday, July 2, 2026

‘Dan kollu jagħti tama kbira u juri li l-futur tal-basketball Malti jista’ jkun wieħed pożittiv ħafna’ – Charles Bonnici

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fil-jiem li għaddew, it-tim nazzjonali Malti tal-basketball tan-nisa taħt it-tmexxija tal-kowċ, Charles Bonnici, mgħejjun mill-assistant coach, Maria Agius, fil-finali għeleb lill-Albanija bl-iskor ta’ 72-55, fil-Palestra Sportive ‘Karagac’ f’Peja, Kosovo.

Din kienet finali mill-isbaħ u Malta għelbet lir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni u għat-tieni darba fil-kompetizzjoni wara li fil-partita tal-ftuħ fi Grupp A, Malta kienet rebħet bl-iskor ta’ 67–59 kontra dawn l-istess avversarji.

Intant, dan is-sit tkelem mal-kowċ, Charles Bonnici, li tana iktar dettalji.

Fi kliemu: “It-tim ta’ din is-sena kien ferm differenti minn dak li kien rebaħ il-fidda sentejn ilu wara li tlifna kontra n-Norveġja fil-finali. Id-differenzi kienu kemm fl-esperjenza kif ukoll fl-istil tal-logħob. Din is-sena ġew introdotti sitt plejers ġodda, fejn il-maġġoranza tagħhom kienu taħt l-20 sena.”

“Il-mod kif lgħabna kien aktar veloċi u aktar aggressiv. Ix-xogħol li sar fil-ġimgħat ta’ preparazzjoni ta l-frott tiegħu, għalkemm irrid ngħid b’mod onest li ma kontx qed nistenna riżultati ta’ dan il-livell. Bdejna ntejbu l-prestazzjoni tagħna logħba wara logħba, u miegħu żdiedet ukoll il-kunfidenza tat-tim.”

“Kull plejer li daħal fil-court ta kontribut importanti. Nixtieq insemmi b’mod partikolari lil Amber Melgoza, li hija plejer ta’ kwalità eċċezzjonali u li tagħti spinta kbira lit-tim. Fil-fatt, hija rebħet l-MVP tat-tournament.”

“Plejer oħra li ħalliet impatt kbir fuq it-tim nazzjonali tul l-aħħar 20 sena hija l-captain Josephine Diaby, li dan kien l-aħħar tournament tal-karriera tagħha. Il-plejers l-oħra kollha għandhom potenzjal kbir, u ħafna minnhom x’aktarx jibqgħu parti mit-tim għal kompetizzjonijiet futuri.”

“Fil-grupp tagħna kien hemm l-Albanija u Georgia, u rnexxielna nirbħu lil dawn it-timijiet it-tnejn. Kontra Georgia saħansitra wasalna biex niskurjaw 97 punt.”

“Fis-semi-finali affaċċajna lit-tim tal-Armenja, u hemmhekk tajna wirja eċċellenti fejn kull plejer irnexxielu jniżżel ismu fuq l-iskor, bit-tim jiskorja total impressjonanti ta’ 107 punti. Ma kien hemm ħadd li stenna li nilħqu dan it-tip ta’ skor f’dan il-livell.”

“Fil-finali erġajna ltqajna mal-Albanija, li kienet eliminat lit-tim qawwi tal-Kosovo. Fl-ewwel żewġ sessjonijiet konna dominanti u bnejna vantaġġ sabiħ ta’ 44-23. Fit-tielet u r-raba’ sessjoni naqqasna xi ftit mir-ritmu, iżda xorta waħda għalaqna l-logħba b’rebħa ta’ 72-55.”

“Dawn il-plejers jistħoqqilhom kull tifħir, għax jirnexxielhom jibbilanċjaw sagrifiċċji kbar bejn ix-xogħol, l-eżamijiet u t-taħriġ. Dan kollu jagħti tama kbira u juri li l-futur tal-basketball Malti jista’ jkun wieħed pożittiv ħafna.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport