Thursday, December 26, 2024

Il-Ġermanja tillegalizza l-kannabis

Aqra wkoll

Il-pajjiż Ewropew b’saħħtu tal-Ġermanja segwa l-passi li ħa pajjiżna fil-legalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis għal finijiet ta’ rikreazzjoni. F’pajjiżna din il-liġi daħlet fis-seħħ lura f’Diċembru tal-2021 fejn il-kultivazzjoni u l-użu tal-kannabis għal finijiet ta’ rikreazzjoni sar legali għall-persuni mit-18-il sena ‘l fuq.

Fil-Ġermanja taħt il-liġi l-ġdida mħabbra lbieraħ, adulti ‘l fuq minn 18-il sena issa jistgħu jkollhom fil-pussess tagħhom 25 gramma ta’ kannabis u jistgħu jikkultivaw massimu ta’ tliet pjanti ta’ marijuna fid-dar tagħhom.

Din l-aħbar intlaqgħet b’entużjażmu kbir mill-Ġermaniżi entużjasti tal-kannabis fejn huwa rrapportat li eluf marru fil-belt kapitali Berlin ħdejn il-Brandenburg Gate biex jiċċelebraw id-dikriminalizzazzjoni tal-marijuana għal finijiet ta’ rikreazzjoni. Kien minn hawn li pubblikament uħud minn dawk preżenti pejpu l-marijuana bħala turija ta’ “rebħa” miksuba permezz ta’ din il-liġi l-ġdida.

B’dan il-pass il-Ġermanja saret uffiċjalment l-akbar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li llegalizzat il-kannabis għal finijiet ta’ rikreazzjoni. 

Il-folla kbira invażat it-toroq madwar il-monument famuż tal-kapitali Ġermaniża fejn ġarru anke kartelluni bil-kliem “ma rridux niksru l-liġi”. Wieħed mill-parteċipanti bl-isem ta’ Niyazi u għandu 25 sena qal li, “din il-liġi l-ġdida, minkejja l-oppożizzjoni kbira li kellha minn politiċi u assoċjazzjonijiet mediċi, tat liċ-ċittadini Ġermaniżi ftit aktar libertà”. 

Din il-bidla leġislattiva wasslet biex il-Ġermanja tkun klassifikata bħala waħda mill-pajjiżi bl-aktar liġijiet liberali dwar il-kannabis fl-Ewropa. Dan flimkien ma’ pajjiżna u mal-Lussemburgu b’dan l-aħħar ukoll mexa fuq l-istess passi ta’ Malta fejn illegalizza l-użu tal-kannabis għal finijiet ta’ rikreazzjoni s-sena l-oħra.

Ekonomija

Sport