Saturday, May 4, 2024

Il-Glazers mhux se jattendu l-funeral ta’ Bobby Charlton

Aqra wkoll

Is-sidien ta’ Manchester United, il-familja Glazer, mhux se tattendi l-funeral tal-player leġġendarju, Bobby Charlton, li se jsir illum. 

Is-sidien Amerikani kellhom taħdidiet ma’ uffiċjali għolja tal-club dwar ir-riskju tal-abbuż indirizzat lejhom mill-partitarji u għaldaqstant ġie deċiż li ma jattendux biex dan il-funeral jibqa’ wieħed paċifiku. 

Huma sostnew li għandhom rispett kbir lejn dan il-leġġendarju u għaldaqstant iridu li l-fokus jibqa’ dirett lejn Charlton mingħajr l-ebda distrazzjoni. 

L-Amerikani ħassew li qegħdin f’sitwaz­zjoni li ħadd ma jirbaħ u kulħadd jitlef jekk il-preżenza tagħhom se tirrabja lill-eluf ta’ partitarji li mistennija jattendu tul it-toroq minn fejn se jgħaddi Charlton – li huwa meq­jus bħala l-akbar player li qatt lagħab għall-club ta’ Old Trafford. 

Il-Glazers kellhom relazzjoni tajba ma’ Charlton, li kien direttur tal-club u kien pre­żenti regolarment f’Old Trafford sad-di­jan­josi tiegħu tad-dimenzja f’Novembru 2020.

Iżda min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Glazers mhux se jivvjaġġaw lejn Manchester biex jagħtu l-aħħar tislima lil Charlton, xejn m’hu se jinżel tajjeb mal-partitarji u, bla dubju, il-mibegħda lejhom se tkompli tikber aktar. 

Għal dawn l-aħħar 12-il xahar, il-Glazers poġġew lill-club għall-bejgħ iżda naqsu li jilħqu ftehim mal-partijiet interessati. U fl-istess waqt dawn l-Amerikani minn Flo­rida, rari jidhru f’Old Trafford, minħabba l-għadab li għandhom il-partitarji fil-konfront tagħhom hekk kif iriduhom jitilqu mill-club darba għal dejjem wara li ilhom fit-tmexxija mill-2005. 

Jingħad li l-Glazers xtraw lill-club bid- dejn u minn dak in-nhar sal-lum, id-dejn globali qed iqarreb il-£1.8 biljuni. 

Eluf huma mistennija joħonqu t-toroq ta’ Manchester biex jagħtu l-aħħar tislima lir-rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1966.

Il-korteġ funebri se jasal f’Old Trafford fis-1.30pm, qabel ma jsir triqtu lejn il-katidral ta’ Manchester. Il-United kellhom diversi tributi lil Charlton fl-aħħar ġimgħat, iżda l-Glazers ma attendew l-ebda wieħed minnhom.

Sport