Il-manager ta’ Aston Villa, Unai Emery, ħaseb li Emiliano Martinez kien tkeċċa fil-penalty shoot-out kaotiku kontra Lille qabel ma l-goalkeeper wettaq is-save kruċjali li tefa’ lit-team tiegħu għall-ewwel semi-finali Ewropea kbira tagħhom mill-1982.
F’shoot-out straordinarju wara li l-logħba ntemmet fi draw ta’ 3-3 bl-aggregate wara l-ħin barrani, il-goalkeeper ta’ Aston Villa, Martinez – li qabel kien ġie ammonit minħabba li ħela l-ħin – intwera karta safra oħra billi deher jirreaġixxi għall-ibbuwjar tal-partitarji Franċiżi.
Iżda Martinez, li kien diġà salva l-penalty ta’ Nabil Bentaleb, tħalla jkompli peress li l-karta tal-bidu tiegħu ma tiġix trasferita fix-shoot-out.
Iżda minkejja li ma tkeċċiex, il-Bord tad-Dixxiplina tal-UEFA, impona sospensjoni ta’ partita lil Martinez u għaldaqstant se jitlef l-ewwel leg tas-semi-finali kontra l-Griegi ta’ Olympiakos.
Ir-rebbieħ tat-Tazza tad- Dinja mal-Arġentina, imbagħad kompla billi salva t-tentattiv ta’ Benjamin Andre hekk kif il-Villa rebħu 4-3 bil-penalties biex għaddew mal-aħħar erbgħa.
“Kollox dwar ir-reputazzjoni ta’ ħela ta’ ħin għax il-goalkeeper l-ieħor kien qed jagħmel eżattament l- istess ħaġa,” qal Martinez.
“Ksibt safra wara 30 minuta u konna qed nitilfu l-logħba u għalhekk ma nafx xi xtaq minni r-referee.
“Imbagħad ma kien hemm ebda ballun fil-penalty u kont qed nitlob ballun mingħand il-ball boy u ġejt ammonit … sempliċement ma nifhimx ir-regoli.
Kollox żied mad-drama hekk kif il-Villa kellhom jitħabtu biex jiżguraw li club Ingliż wieħed jikkompeti f’semi-finali Ewropea dan l-istaġun wara li Manchester City u Arsenal ġew eliminati miċ-Champions League nhar l-Erbgħa, u Liverpool u West Ham ħarġu mill-Europa League nhar il-Ħamis.