Thursday, April 25, 2024

Il-Greċja tapprova r-raba’ tilqima tal-Covid għal dawk l-aktar vulnerabbli

Aqra wkoll

L-awtoritajiet tas-saħħa tal-Greċja nhar it-Tlieta approvaw ir-raba’ doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19 għal dawk in-nies b’sistemi ta’ immunità dgħajfa u dawk il-persuni l-aktar vulnerabbli.

L-awtoritajiet iddeċiedew li dan il-grupp ta’ nies jistgħu jieħdu r-raba doża, li mistennija tibda tingħata dalwaqt, bejn tliet u sitt xhur wara li l-persuna tkun ħadet it-tielet doża.

Marios Themistocleous, segretarju ġenerali fil-Ministeru tas-Saħħa tal-post, qal li s’issa ma kien hemm l-ebda diskussjoni dwar jekk hux se joffru r-raba’ doża lill-bqija tal-popolazzjoni, filwaqt li żied jgħid li jittama li dan ma jkunx meħtieġ. Dan hekk kif l-awtoritajiet bħalissa qed iħarsu lejn il-fatt li n-nies jieħdu t-tielet doża tal-vaċċin bħala prijorità.

Il-Greċja diġà għamlet it-tilqim obbligatorju għal kull min għandu aktar minn 60 sena. Dawk li jonqsu milli jibbukkjaw appuntament sas-16 ta’ Jannar se jiffaċċjaw multa ta’ €100 fix-xahar. Il-gvern qed jikkunsidra ukoll li jagħmel it-tilqim obbligatorju għal nies minn 50 sena ‘l fuq.

Fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet, l-Iżrael kien l-ewwel pajjiż li beda jagħti r-raba’ doża tal-vaċċin tal-Covid lill-persuni anzjani u dawk li jaħdmu fis-settur tas-saħħa. 

Sport