Friday, April 19, 2024

Is-sena 2021 ma’ dawk bl-ogħla temperaturi

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul ix-xhur tas-sajf f’żoni diversi madwar id-dinja ġew reġistrati diversi sitwazzjonijiet marbutin mal-klima u l-effett tagħha. Kellna żoni sħaħ fl-Ewropa bħall-Belġju, l-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvizzera li intlaqtu minn maltempati qawwija li ħallew ħerba warajhom. Rajna kif fl-Italja intlaqtu minn silġ kbir fi żmien meta mhux normali jagħmel is-silġ. Fil-Greċja u t-Turkija rajna nirien, kawżati minn temperaturi għoljin li qerdu żoni sħaħ ta’ foresti.

Rajna mewġa ta’ sħana fil-Mediterran għal darba darbtejn.  Temperaturi rekord ġew reġistrati ukoll fl-Istati Uniti u postijiet oħra. Dan qajjem għadd ta’ domandi dwar is-sena 2021 f’dawk li huma temperaturi. Dawn id-domandi issa għandhom tweġiba u dan hekk kif il-Copernicus Climate Change Service tal-Unjoni Ewropea, ħabbar li s-sena 2021 ġiet reġistrata ma’ l-aktar seba’ snin li kellhom temperaturi għoljin. Mhux biss imma l-konċentrazzjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u ta’ methane komplew jiżdiedu. 

Il-Copernicus Climate Change Service (C3SW) li hu mmexxi mill-European Centre for Medium-Range Weather Forecasts (ECMWF) għall-Kummissjoni Ewropea b’fondi mill-Unjoni Ewropea, f’riċerka li ppubblika wera li l-aħħar  seba’ snin kienu l-aktar snin b’temperaturi għoljin.  Apparti dan is-sena 2021, ġiet klassifikata ma’ dawk bl-aktar temperaturir baxxi flimkien mas-sena 2015 u s-sena 2018.  L-istess rapport wera li s-sajf li għadda fl-Ewropa, hu klassifikat bħala l-aktar sajf bl-ogħla temperaturi reġistrati.

Il-Copernicus Atmosphere Monitoring Service (CAMS), irrapporta li analiżi preliminari mis-satellita, ikkonferma li l-konċentrazzjonijiet tal-gassijiet serra komplew jiżdied matul is-sena 2021. Il-livelli tad-diossidu tal-karbonju laħqu livelli rekord ta’ 414ppm waqt li l-gassijiet Methane  laħqu rekord ta’ madwar 1876 ppb. 

L-istess rapport wera li l-emissjonijiet mill-karbonju reġistrati minn ħruq ta’ foresti f’diversi żoni madwar id-dinja, laħqu għal 1850 megatonnes, u dan l-aktar minħabba nirien fir-Siberja. Dan l-ammont kien akbar minn kemm kien fis-sena 2020 fejn dakinhar kien laħħaq għal 1750 megatonnes. Ix-xejra imma marbuta ma’ karbonju minn ħruq minn nirien madwar id-dinja qed tonqos u dan ilu jsir sa mis-sena 2003. 

Ritratt: Roger Azzopardi

L-ewwel ħames xhur irreġistraw temperaturi baxxi… iżda imbagħad it-temperaturi għolew

Mir-rapport mill-aktar dettaljat, jirriżulta li l-medja tat-temperatura annwali kienet ta’ 0.3 gradi celsius aktar minn dak ta’ bejn is-sena 1991 u s-sena 2020.  Il-medja tat-temperatura għas-sena 2021 kienet ta’ bejn 1.1 u 1.2. gradi celsius aktar minn dik ta’ bejn is-sena 1850 u s-sena 1900. 

Globalment, l-ewwel ħames xhur tas-sena esperjenzaw temperaturi baxxi  u dawn ikkomparaw ma’ dawk is-snin fejn kien hemm temperaturi baxxi fl-ewwel xhur tas-sena. Ġara li imbagħad bejn Ġunju u Ottubru, it-temperaturi bdew jogħlew sew u saru fost l-ogħla temperaturi reġistrati.  It-temperaturi ta’ l-aħħar 30 sena jiġifieri bejn is-sena 1991 u s-sena 2020, kienu ta’ bejn 0.9 gradi celsius aktar minn dawk tal-livel pre industrijali. 

Jirriżulta li għas-sena 2021, il-medja tat-temperatura fl-Ewropa kienet ta’ 0.1 grad celsius aktar għolja mill-medja tat-temperaturi bejn is-sena 1991 u s-sena 2020.  Ir-rapport jgħid ċar u tond li l-aktar għaxar snin b’temperaturi għoljin fl-Ewropa seħħew mis-sena 2000 ‘l hawn. Filfatt l-aktar seba’ snin li kellu temperaturi għoljin fl-Ewropa kienet bejn is-sena 2014 u s-sena 2020. 

Anomaliji fix-xahar ta’ Lulju fl-Ewropa

Mir-rapport jirriżulta li matul ix-xahar ta’ Lulju kien hemm anomaliji f’dik li hi xita li niżet, l-umdità,  u t-temperaturi. Ir-rapport isemmi temp estrem li laqat lill-Ewropa matul is-sajf tas-sena. 2021, fejn kein hemm ammont kbir ta’ xita li għamlet f’żoni fl-Ewropa u li dan wassal biex għadd ta’ żoni f’xi pajjiżi spiċċaw litteralment mgħarrqin. Fost l-aktar milqutin kien hemm il-Ġermanja, i-Belġju, il-Lussemburgu, u l-Olanda.

Ritratt: Roger Azzopardi

Mewġa ta’ sħana fil-Mediterran

Ir-rapport jgħid li r-reġjun tal-Mediterran esperjenza mewġa ta’ sħana matu ix-xahar ta’ Lulju u anke f’parti minn Awwissu.  Temperaturi għoljin affettwaw lil Greċja, Spanja u l-Italja.  Ir-rekord ta’ temperaturi għoljin intlaħaq fi Sqallija fejn ġiet reġistrata temperatura ta’ 48.8 gradi Celsius.   Dan kien aktar minn 0.8 gradi Celsius aktar mill-ogħla temperatura reġistrata. Ir-rapport jgħid li dan ir-rekord ġdid għad irid ikun konfermat mill-Organizazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO). Dawn it-temperaturi għoljin u kundizzjonijiet ta’ nixfa wasslu għal nirien f’għadd ta’ foresti b’mod partikolari fil-lvant u fiċ-ċentru tal-Mediterran fosthom it-Turkija, il-Greċja, l-Italja, Spanja, il-Portugal, l-Albanija, il-Maċedonja, l-Alġerija u t-Tuneżija. 

Jekk nieħdu l-Amerika ta’ Fuq naraw li fis-sena 2021 kien hemm diversi reġjuni fit-tramuntana tal-Amerika li esperjenzaw anomaliji f’temperaturir għoljin.  F’żoni fil-Kanada, il-medja tat-temperaturi kienet sħan aktar mis-soltu kemm għal bidu tas-sena u anke għax-xitwa.

Dik li ssejħet ‘mewġa ta’ sħana eċċezzjonali’ seħħet fit-tramuntana tal-Amerika f’Ġunju u dan wassal biex ġiet reġistrata temperatura rekord għal dik iż-żona. 

Ir-reazzjonijiet

Għal dan ir-rapport kien hemm diversi reazzjonijiet. Mauro Facchini, Kap tal-Earth Observation, qal li “l-analiżi għas-sena 2021 qed turi li globalment, kellna l-aktar snin sħan fl-aħħar snin.  Dan qed ifakkarna mill-ġdid li t-temperaturi fid-dinja qed ikomplu jogħlew u għalhekk l-urġenza biex naġixxu”. 

Minn naħa tiegħu, Carlo Buontempo, Direttur ta’ Copernicus Climate Change Service iddikjara li “s-sena 2021 kienet sena oħra ta’ temperaturi estremi.  Rajna l-aktar sajf sħun fl-Ewropa. Rajna mewġiet ta’ sħana fil-Mediterran. Dan jurik li hemm bżonn inbiddlu l-mod kif qed naġixxu. Irridu nieħdu passi deċisivi u effettivi għal soċjetà sostenibbli u naħdmu biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju”.

Vincent Henri Peuch, Direttur ta’ Copernicus Atmosphere Monitoring Service, iddikjara li “d-diossidu tal-karbonju u l-konċentrazzjonijiet ta’ methane komplew jiżdiedu sena fuq sena u m’hemmx sinjal li dawn se jonqsu.  Dawn il-gassijiet huma dawk li l-aktar li qed iwasslu għall-bidla fil-klima.”

Sport