Persuni midħla tal-Qrati innutaw kif fl-aħħar jiem bdiet kampanja minn esponenti ewlenin tal-fazzjoni estremista, viċin ħafna tal-Partit Nazzjonalista, fil-konfront ta’ membri tal-ġudikatura. Dawn l-attakki qed jiġu meqjsin bħala attakki ‘bla preċedent’.
Avukati nnutaw kif kollox beda meta l-avukat Jason Azzopardi li hu l-avukat ta’ Repubblika ma ġabhiex żewġ wara talbiet li għamel biex jinfteħu tlett inkjesti maġisterjali fil-konfront tal-Ministru Clint Camilleri, martu, ċ-Chief of Staff tal-Ministru, persuni oħra, inkluż l-Perit Andrew Ellul li issa, wara li Azzopardi appella mid-deċiżjoni tal-Maġistrata, waqqa’ l-appell tiegħu fil-konfront ta’ Ellul, l-istess kif għamel fil-konfront ta’ mart il-Ministru Camilleri.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Maġistrat sabet li ma kienx hemm bażi biex tinfetaħ inkjesta. Qalet li Azzopardi naqas milli jindika ħjiel, jew anke anke traċċi, ta’ suppost evidenza biex jipprova l-akkużi.
Wara li l-Magistrat Bridgette Sultana ċaħdet it-talbiet ta’ Jason Azzopardi dan fetaħ attakk fuqha u fuq il-Maġistrata Donatella Frendo Dimech.
Skont Azzopardi, filwaqt li l-Maġistrat Brigitte Sultana ‘suppost kellha tittratta t-talba tiegħu għall-pixxina, kienet il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li ċaħditha’. Skont Azzopardi id-dokument elettroniku li ntbagħatlu bl-email kien elenka lil ‘Frendo Dimech, u mhux lil Sultana, bħala l-awtur’.
Azzopardi talab investigazzjoni fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ Maħistrati, permezz ta’ att ġudizzjarju, u allura akkuża lill-membri tal-ġudikatura li kienu kompliċi f’illegalità u f’reat kriminali.
B’reazzjoni għal dan, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook u qal li “għax Maġistrat ma ddeċidietx kif riduha huma, f’att ġudizzjarju akkużawha li hi kompliċi f’reat u f’illegalità. U talbu li tinfetaħ investigazzjoni ‘fuq diversi livelli’ fuq żewġ maġistrati. Dan hu attakk faħxi fuq l-istituzzjoni tal-ġustizzja ta’ pajjiżna, li nikkundannah b’saħħti kollha u mhux ser inħallih għaddej, aktar u aktar minn min ġej”.
Azzopardi talab li jinħatar espert tal-informatika biex jeżamina l-laptops tal-Maġistrati biex jeżamina jekk kinitx maġistrat jew oħra li kitbet id-deċiżjoni
Jason Azzopardi mhux talli talab investigazzjoni fil-konfront tal-Magistrati iżda saħansitra, fl-aħħar ġranet, permezz ta’ rikors, talab għall-ħatra ta’ espert tal-Qorti biex jinvestiga ħidmet il-Maġistrat Sultana, b’rabta mad-dokument elettroniku. Avukati spjegaw kif din it-talba għal hatra ta’ espert fuq maġistrat hija ‘gravi ħafna’ u ‘bla preċedent’ u qed titqies bħala ‘attakk goff ħafna’ fuq din il-membru tal-ġudikatura.
L-istess avukati ddeskrivew liż-żewġ maġistrati bħala ‘ġudikanti tal-affari tagħhom ħafna, retti u mill-aktar integri f’xogħlhom’. L-attakk ta’ Azzopardi fuq iż-żewġ maġistrati ma kienx wassal biex fl-aħħar ġranet ingħaqdu nies oħra.
Fost dawn kien hemm Arnold Cassola, li fil-11 ta’ Marzu għamel post fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook u qal li ‘d-deċiżjoni tal-Maġistrata Bridigette Sultana kienet ħażina’ u saħansitra allega li għax, skont hu, ‘l-Prim Ministru attakka l-ġudikatura’ ‘ċerta maġistrati qed jinfluwenzaw ruħhom minn dan’. Sorsi legali qalu li l-argument ta’ Cassola mhux biss huwa ‘fażull’ iżda ‘inġust fil-konfront tal-ġudikatura’.
L-istess Cassola kwota li l-eks Avukat Ġenerali Silvio Camilleri li bħal Jason Azzopardi, ħareġ jikkritika bl-aħrax lill-Maġistrata. Riċentament, l-istess Silvio Camilleri infexx jattakka b’mod politiku lill-Prim Ministru u lill-Gvern għar-riformi li Gvern Laburista qed iwettaq fil-qasam tal-inkjesti maġisterjali in genere.
L-istess allegazzjonijiet saru minn nutar u kap de facto ta’ Repubblika, Robert Aquilina, f’post fuq facebook, ftit wara d-deċiżjoni tal-Maġistrata fil-konfront tat-talbiet ta’ Jason Azzopardi.
L-eks kandidat Nazzjonalista Kevin Cassar, kiteb fix-Shift News fis-17 ta’ Marzu, u attakka lill-Maġistrata Bridigette Sultana. L-eks kandidat Nazzjonalista qal li ‘s-sentenza tal-maġistrat hija daqqa ta’ ħarta lill-media. Iżda tirrifletti wkoll il-livell ta’ distakk tal-ġudikatura t’Għawdex mill-fehim kontemporanju tar-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv”.
Nhar il-Hamis li għadda, f’artiklu fit-Times, kompla l-attakk fuq il-ġudikatura, l-artikolista, Ranier Fsadni. Skont Fsadni, li l-allegazzjoni ta’ Jason Azzopardi, dwar id-dokument elettroniku li dwaru qed jixli lill-maġistrati, ‘ma ħietx miċħuda’ b’dan wieħed jifhem li Fsadni jekk jgħid li l-Maġistrati kellhom joħorħu ċaħda pubblika, allura dak li qed jgħid Azzopardi jagħti lok għal ‘tħassib serju’ dwar il-maġistrati.
Li ma qalx Fsadni huwa li f’pajjiżna rari hija l-prassi li l-ġudikatura tikkummenta fuq dak li jkun qed jintqal dwarha fil-mezzi tax-xandir.
Avukat spjega kif f’pajjiżna dejjem kien hawn qbil li filwaqt li deċiżjoni ta’ ġudikant naturalment tista’ tiġi kkritikata, madankollu l-attakki diretti fuq il-membri tal-istess ġudikatura, u “agħar minn hekk talba biex maġistrati jiġu investigati, kif talab Jason Azzopardi ‘huma bla preċedent’.
L-istess avukat rrefera għal artiklu miktub mill-eks Avukat Generali, u eks Imhallef fil-Qorti Ewropeja tal-Gustizzja, Dr Anthony Borg Barthet, fit-Times of Malta, tal-24 ta’ Marzu, 2024, fejn qal “filwaqt li analiżi matura u kritika sobria tas-sentenzi huma ta’ benefiċċju u jwasslu għall-formazzjoni ta’ sentenzi mħejjija aħjar u studjati aktar fil-fond, attakk fuq il-ġudikatura, ġeneralment, b’invettiva, insult u attribuzzjoni ta’ mottivi żbaljati, mingħajr referenza għal xi ġudizzju jew analiżi partikolari tal-istess, iġġiegħel biss li dawk li jagħmlu l-ġudizzji tagħhom b’mod leali u onesti jitqiesu ma’ oħrajn li ma jagħmlux hekk. Dan jeqred ukoll l-awtorità morali tal-ġudizzji kollha, irrispettivament minn jekk humiex tajbin jew ħżiena”.
Nhar it-Tnejn li ghadda, fil-Parlament, waqt li kien qed jitkellem dwar il-mozzjoni tal-Gvern li tiddeplora l-aġir ta’ Karol Aquilina fil-konfront tal-Ispeaker Anġlu Farrugua, u b’appoġġ għall-Ispeaker, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-attakk ta’ Jason Azzopardi fuq il-ġudikatura u stqarr li ma jistax ikun li “nibqgħu siekta u nħallu lill-ġudikatura tibqa’ tiġi suġġetta għal dawn l-attakk… bl-istess mod li s-Sedja m’għandhiex kif tiddefendi lilha nnifisha, il-ġudikatura minn dak l-attakk li sar fuqha dalgħodu m’għandhiex kif tiddefendi lilha nnifisha.”
Jason Azzopardi talab għal ftuħ ta’ inkjesti oħra fosthom fuq il-Ministru Silvio Schembri, martu, li qed iggorr tarbija, u l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella. Dawn ukoll ġew miċħuda mill-Qorti.