Il-Kap tal-Opożizzjoni u Kap Nazzjonalista Dr Bernard Grech qal li l-Gvern qiegħed jissussidja l-korruzzjoni u jekk jieqaf jagħmel dan allura jkun jista’ jibqa’ għaddej bis-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija.
Dr Grech waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq Net Tv qal li minħabba nuqqas ta’ għaqal tal-Gvern se jwassal biex pajjiżna se jiffaċja li jidħol fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Hu kompla jgħid li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jaħdem biex jagħti ġejjieni aħjar lill-poplu Malti u Għawdex filwaqt li stqarr li kulħadd għandu jibqa’ b’saqajh mal-art, jisma’ xi jrid il-poplu biex b’hekk joffri pjan ekonomiku b’saħħtu.
Dwar l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda, Dr Grech saħaq li l-miri tal-Partit Nazzjonaista ntlaħqu hekk kif intrebaħ it-3 siġġu u anke 5 lokalitajiet iddawru għall-maġġoranza Nazzjonalista u ż-żieda fis-siġġijiet fil-kunsilli lokali.
Meta ġie mistoqsi dwar il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa, hekk kif it-terminu tiegħu wasal biex jintemm, Dr Grech saħaq li dan m’għandux jiġi mġedded. Saħaq li l-obbligu tal-Kummissarju tal-Pulizija għandu jkun lejn il-poplu u l-kostituzzjoni u mhux ibaxxi rasi għal min tah il-kariga.
Irrefera wkoll għal għal €40 miljun f’multi wara li l-Qorti annullat kuntratt tal-Wasteserv minħabba persuni ta’ fiduċja li nstab kellhom kunflitt ta’ interess.
Il-Kap tal-Oppiżizzjoni temm l-intervista tiegħu billi qal li kull partit politiku għandu jaħdem biex jiggverna u dan li qiegħed jagħmel il-Partit Nazzjonalista filwaqt li rrikonoxxa li t-triq hija għat-telgħa.