Fi żjara lill-pazjenti Maltin li qed jirċievu l-kura medika f’Londra, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Gvern għaddej bit-tħejjijiet biex l-ewwel għaxar mediċini minn ftit aktar minn erbgħin għall-kura tal-kanċer jidħlu fil-formularju u b’hekk jingħataw mingħajr ħlas. Dan bħala parti minn bidla tranżitorja li fiha l-Gvern se jieħu fuqu l-piż tal-mediċini tal-kanċer flok il-Malta Community Chest Fund u b’hekk il-pazjenti jingħataw il-kura bi dritt, u mhux b’karità. Sakemm isseħħ il-bidla, il-pazjenti xorta se jibqgħu jkunu mgħejjuna mill-Malta Community Chest Fund.
F’Londra, flimkien ma’ Angele Cuschieri u Rennie Zerafa ta’ Puttinu Cares, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela tennew l-appoġġ kontinwu li Malta tibqa’ tagħti għal kawżi soċjali bħal ma tressaq ’il quddiem din l-għaqda li twettaq ġid kbir fis-soċjetà Maltija.
Il-Prim Ministru qal li l-valuri importanti li jħaddan il-poplu Malti u Għawdxi, bħall-imħabba u s-solidarjetà, huma riflessi fil-ħidma bla qies li twettaq Puttinu Cares. “L-inkwiet għandna nerfgħuh aħna bħala Gvern u mhux in-nies. Fuq kollox, irridu nibqgħu nagħtu s-serħan il-moħħ lill-familji u lil Puttinu Cares, li jgħixu vjaġġ ta’ sfida iżda fih din l-għaqda turi empatija liema bħalha ma’ dawk li jkollhom bżonn spalla,” qal Dr Abela.
Mal-Prim Ministru Robert Abela f’Londra kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li flimkien waslu dan il-messaġġ ta’ kuraġġ lill-familji Maltin.
Iż-żjara tal-Prim Ministru bdiet fl-isptar Royal Marsden li huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa ċentri tal-onkoloġija fid-dinja. Milqugħ mill-konsulent Dr Francesca Sillito, Dr Abela seta’ jara x-xogħol li jsir biex tingħata kura speċjalizzata lil min jiġi bżonnha. F’sala tal-isptar, il-Prim Ministru u Dr Lydia Abela qattgħu ħin ma’ pazjent Malti li bħalissa qed jingħata trattament fir-Royal Marsden.
Dr Abela, li huwa l-ewwel Prim Ministru Malti li żar lil Puttinu f’Londra, iltaqa’ wkoll mal-kirurgu Malti Matthew Schembri li jaħdem fl-isptar Royal Marsden fejn jispeċjalizza fir-robotika għat-trattament tal-kanċer tal-prostata u jirriċerka dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali biex titjieb il-ħajja tal-pazjent fil-vjaġġ tiegħu wara d-djanjożi.
F’isem il-Gvern Malti, il-Prim Ministru ppreżenta wkoll donazzjoni lir-Royal Marsden Cancer Charity li se tmur għal investiment fir-riċerka biex ikomplu l-proġetti ta’ studju fost oħrajn fuq identifikazzjoni kmieni tal-marda, trattament personalizzat u trattamenti ġodda.
Iż-żjara kompliet fl-appartamenti ta’ Puttinu Cares f’Sutton. Hawnhekk, Dr Robert Abela u d-delegazzjoni tiegħu tkellmu ma’ persuni ta’ etajiet differenti li qed jgħixu f’dawn il-postijiet sakemm jieħdu l-kura meħtieġa. Dawn il-familji nnutaw l-appoġġ kbir li jirċievu mingħand Puttinu Cares. Ġie rrimarkat ukoll kif l-għajnuna mogħtija mill-Gvern tissarraf li f’mument ta’ sfida, jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-vjaġġ mhux biss ta’ persuna waħda li takkumpanja lill-pazjent, fosthom tfal, iżda anki t-tieni persuna.
Mill-appartamenti ta’ Sutton, iż-żjara kompliet fil-proprjetà l-ġdida ta’ Puttinu Cares fiċ-ċentru ta’ Londra, fejn qed jinbnew appartamenti għall-familji Maltin u Għawdxin eqreb ta’ fejn il-pazjenti jirċievu t-trattament mediku. Ingħad kif din il-binja, frott id-donazzjonijiet tal-poplu Malti u l-għajnuna mill-Gvern, se tkun imsemmija għall-mibki tabib Dr Victor Calvagna, li ħadem ma’ għadd ta’ tfal u familji li ntlaqtu mill-marda tal-kanċer. Bis-saħħa ta’ din il-binja, li issa hemm permessi biex jitla’ wkoll sular ġdid, se jiġu akkomodati mat-80% tal-pazjenti u qraba li jiġu bżonn akkomodazzjoni waqt li jkunu fl-Ingilterra biex jirċievu l-kura.
Sitwazzjoni li sa għoxrin sena ilu kienet għal kollox differenti, hekk kif il-familji u l-pazjenti kien ikollhom jaħsbu huma fejn joqogħdu bl-ispejjeż li ġġib magħha. Preżentament bejn sittin u disgħin pazjent jivvjaġġaw minn Malta lejn l-Ingilterra kull xahar biex jirċievu kura fi sptarijiet fiċ-ċentru ta’ Londra.
Iż-żjara tal-Prim Ministru ntemmet għand is-sorijiet Franġiskani f’Londra li wkoll jiddedikaw il-ħin u r-riżorsi tagħhom biex joffru assistenza mill-qalb, b’servizzi li jiffaċilitaw il-ħajja tal-familji Maltin waqt li jkunu għaddejjin minn mumenti ta’ sfida.
Intant, il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri rringrazzjat lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ li dejjem wera lejn l-għaqda li taħdem mal-familji, fosthom tfal morda bil-kanċer. Hija tenniet l-appell t’għajnuna f’maratona li se ssir nhar il-Ġimgħa l-Kbira u li fiha se tkompli ssir realtà l-ħolma tal-proġett ta’ appartamenti fiċ-ċentru ta’ Londra biex jakkomoda l-familji Maltin li jkunu l-Ingilterra għall-kura medika.
Angele Cuschieri qalet li hi xi ħaġa sabiħa li l-pajjiż ikun hemm b’risq il-familji li jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli ta’ mard u spjegat kif il-missjoni ta’ Puttinu Cares ma tistax tieqaf iżda trid tkompli tissaħħaħ.
Din iż-żjara f’Londra kienet ikkordinata bis-sehem tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, il-Professur Stephen Montefort.