Sunday, December 22, 2024

Il-gwerra fl-Ukrajna tidħol fil-500 jum tagħha

… il-President Volodymyr Zelensky iżur Snake Island li ddeskriviha bħala “l-post tar-rebħa”

Aqra wkoll

Hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna daħlet fil-500 jum tagħna, il-President ta’ dan il-pajjiż Volodymyr Zelensky tella’ filmat tiegħu nnifsu jżur gżira li saret simbolu tar-resistenza Ukrena.

Fil-bidu tal-gwerra, suldati Ukreni li kienu qed jiddefendu Snake Island, sfidaw ordni minn bastiment tal-gwerra Russu sabiex iċedu. Din il-gżira eventwalment waqgħet f’idejn ir-Russi iżda aktar tard l-Ukreni reġgħu ħadu kontroll tagħha.

Fil-filmat, il-President Ukren sejjaħ din il-gżira bħala “l-post tar-rebħa” li qatt ma kien seta’ jerġa’ jinkiseb lura. Zelensky qal li din kienet tassew prova ta’ kemm l-Ukrajna se tieħu lura kull parti mit-territorju tagħha meħud mir-Russja minn meta bdiet l-invażjoni fil-pajjiż fl-24 ta’ Frar 2022.

“Nixtieq nirringrazzja, minn dan il-post tar-rebħa, lil kull wieħed mis-suldati tagħna għal dawn il-500 jum,” qal Zelensky fil-filmat deher jasal fuq din il-gżira permezz ta’ dgħajsa u jpoġġi l-fjuri bħala tifkira.

Is-sena li għaddiet, il-bastiment ewlieni Russu, Mosva, baħħar lejn Snake Island ftit sigħat wara li bdiet il-gwerra u ordnat lis-suldati Ukreni li kien hemm fuq il-gżira biex iċedu.

Uffiċjal Russu kien qal: “nissuġġerixxi li ċċedu l-armi tagħkom biex tevitaw tixrid ta’ demm u diżgrazzji bla bżonn. Inkella, tkunu ibbumbardjati.” Ir-rispons min-naħa tal-Ukrajna u l-iskambju verbali kien ġie ċċirkolat fuq il-midja soċjali, b’suldat Ukren jinstema’ jgħidilhom biex idabbru rashom ‘l hemm.

Wara li Snake Island intrebħet mir-Russi, il-forzi Ukreni reġgħu ħadu kontroll ta’ din il-gżira f’Ġunju tas-sena li għaddiet.

Sadanittant, fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet Ukreni ħabbru li minn-inqas tmien persuni nqatlu f’attakk fuq żona residenzjali fir-reġjun tal-Lvant ta’ Donetsk. Dan filwaqt li 13-il persuna oħra sfaw feruti fl-attakk li seħħ fil-belt ta’ Lyman.

Ekonomija

Sport