Wednesday, April 24, 2024

Il-GWU bi ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Ozo Group

Proċedura b’garanzija ta’ ġustizzja u miżuri favur il-familja

Aqra wkoll

It-taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) bi pjaċir tħabbar li grazzi għal ħidma pożittiva u kostruttiva li bdiet matul dawn l-aħħar snin mal-OZO Group of Companies, waslet għal ftehim kollettiv li minnu se jibbenefikaw il-maġġoranza tal-ħaddiema li jaħdmu ma’ din il-kumpanija.

Din il-kumpanija tħaddem ma’ 3,000 persuna u l-GWU bħala rappreżentanta tal-maġġoranza tal-ħaddiema ta’ OZO Group, ħadet ħsieb li jkunu ssalvagwardjati mijiet ta’ impjiegi. 

Dan il-ftehim kollettiv għall-membri tal-GWU li jaħdmu mal-OZO ikopri bejn l-2021 sal-2023 u jinkludi fost l-oħrajn proċedura ta’ dixxiplina li tiggarantixxi ġustizzja, kif ukoll tisħiħ ta’ miżuri favur il-ħajja familjari, bħal-leave ta’ emerġenza għal kwistjonijiet marbuta mal-familja. 

Is-Segretarju tat-Taqsima, Kenny Muscat, qal li, “permezz ta’ ħidmitna u b’koperazzjoni sħiħa mal-kumpanija u l-management, ilħaqna u qegħdin inkomplu nirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ ħaddiema f’numru ta’ gradi differenti. Importanti li napprezzaw li dan kollu sar fil-kuntest ta’ żmien diffiċli fejn il-pandemija ħolqot inċertezzi ekonomiċi u ta’ riżorsi umani. Għalhekk, permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv se jkun hemm kontinwazzjoni li toffri stabbiltà u serħan il-moħħ kemm lill-kumpanija u aktar u aktar lill-ħaddiema tagħha”.

Il-firmatarji għan-naħa tal-GWU huma Kenny Muscat u Gabriel Pullicino flimkien ma’ Mary Grace Calleja bħala rappreżentanta tal-ħaddiema u għan-naħa ta’ OZO Group huma l-Kap Eżekuttiv, Fabio Muscat u Marvic Mifsud Taylor, Manager tar-Riżorsi Umani.

Sport