Thursday, March 28, 2024

MANJIERI FIT-TOROQ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Aktar mat-toroq tagħna qed jimtlew b’karozzi, aktar jiżdiedu l-inċidenti tat-traffiku, dawk rapportati u li mhumiex. Aktar nies ikollhom jiġu wiċċ imb’wiċċ ma’ ċirkosanzi ta’ konfront, ta’ mogħdrija, ta’ solidarjetà, ta’ dwejjaq…

Kollox ma’ kollox fejn qiegħed il-bilanċ? Skont ma’ min titkellem!

Iltqajt ma’ min saħaq kif: min isuq ma jindenjax juri lejn fejn sejjer bl-“indicator”; iż-żebras jiġu injorati minn sewwieqa; il-parking isir bl-addoċċ u bla kunsiderazzjoni għal sewwieqa oħra, u għal min jimxi fit-toroq; ma tintwera l-ebda kortesija lejn nisa bit-trabi u lejn anzjani; isir sewqan b’ħeffa eċċessiva f’toroq u ma’ kantunieri dojoq; sewwieqa ta’ karozzi, muturi, bicycles u issa skuters elettriċi jibqgħu għaddejja qishom mhux huma minn nofs in-nies…

Iltqajt ma’ oħrajn li stqarrew kif: sewwieqa jieqfu l-ħin kollu biex jgħaddu n-nies f’toroq ewlenin fejn id-dwal mhumiex jaħdmu; f’imkejjen fejn il-parking hu diffikultuż, sewwieqa jiftehmu bejniethom kif se jqassmu l-post li hemm; l-osservanza minn sewwieqa tal-linji żebra fit-toroq isir b’galbu kbir …

***

IMPATTI DIĠITALI

Kont f’laqgħa ta’ deputati Ewropej il-ġimgħa li għaddiet fejn matulha ddiskutejna jekk hemmx bżonn ta’ bidliet fit-tmexxija tax-xogħol parlamentari, issa li daħlu l-mezzi elettroniċi f’dil-ħidma.

Kważi kollha tkellmu mil-lat li rridu mill-aktar fis immorru lura għal kif kienu jsiru l-laqgħat “qabel”… jiġifieri f’laqgħat “normali” fejn kull min jieħu sehem, ikun preżenti fiżikament fis-sala. Li laqatni f’dan kien il-mod kif sħabi d-deputati ressqu l-argumenti tagħhom.

… Dejjem hekk għamilna… Jekk ma nagħmlux hekk, il-laqgħat tagħna jitilfu ħafna mis-sens tagħhom… Il-Parlamenti huma bbażati fuq dibattiti u diskussjonijiet wiċċ imb’wiċċ… eċċ.

Kull ma qalu kien minnu u msejjes fuq l-esperjenza ta’ sekli ta’ parlamenti qabel tagħna. Imma bdejt naħseb: il-ġenerazzjonijiet ġodda tal-lum u l-futuri, li qed jitrawwmu f’dinja diġitali kompletament differenti minn ta’ qabilha, x’se jifhmu u japprezzaw minn dawn l-appelli għat-tradizzjonijiet qodma?

***

DIFIŻA EWROPEA

Wara d-disfatta tal-“Punent” fl-Afganistan, qamet aktar ħerqana s-sejħa fl-Ewropa: L-Istati Uniti mhux ta’ min jafdahom. L-Ewropa hi ġgant ekonomiku u nanu politiku u militari. Quddiem l-isfida taċ-Ċina u tal-ġiħad u tar-Russja, irridu risposta ġdida… li bilfors tissarraf f’politika għad-difiża komuni Ewropea.

Veru dan? Hekk jidher li stqarret il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Hekk donnhom qed jgħidu ħafna ilħna mil-lemin-ċentru-xellug politiku tal-Ewropa. Għandhom saħħa biżżejjed biex tgħaddi tagħhom. U l-proġett għal Unjoni Ewropea ta’ difiża jista’ jaqbad rankatura.

Hemm riskju kbir li forsi mhux qed jitqies biżżejjed. Dal-proġett għal unjoni tad-difiża Ewropea jista’ jispiċċa avventura oħra bħal tal-Amerikani fl-Afganistan?  

Ekonomija

Sport