Friday, November 15, 2024

Il-GWU bl-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Fondazzjoni Arka

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, il-General Workers’ Union iffirmat ftehim kollettiv ġdid mal-Fondazzjoni Arka, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’din l-entità u li jkopri s-snin 2022-2025. B’dan il-ftehim, il-ħaddiema tal-Fondazzjoni se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet u anke żidiet fil-pagi fost benefiċċji oħra.

Fondazzjoni Arka hija bbażata f’Għawdex u toffri servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità. Hija tamministra tlitt idjar li minnhom jiġu pprovduti dawn is-servizzi li huma Dar Arka, Dar il-Ġublew tal-Ħniena u Dar il-Madonna ta’ Pinu.

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju Lawrence Bugeja u r-rappreżentanta tal-ħaddiema Andrea Cilia. Għal Fondazzjoni Arka ffirma d-Direttur Fr Michael Galea. 

Fil-kummenti tiegħu wara l-iffirmar tal-ftehim kollettiv, is-Segretarju Bondin innota x-xogħol siewi li jwettqu l-ħaddiema tal-Fondazzjoni b’risq il-persuni b’diżabilità filwaqt li jagħmlu wkoll xogħol ieħor anke b’mod volontarju.

“Fondazzjoni Arka hi ferm importanti għal ħafna familji, għall-għajnuna li tagħti biex kulħadd ikun jista’ jkompli bil-ħajja tiegħu u tagħti sostenn tassew qawwi. Għaldaqstant, iffirmajna l-ewwel ftehim kollettiv ma’ din l-entità sabiex inkomplu nagħrfu d-dmrijiet li jaqdu dawn il-ħaddiema u nsaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom,” qal is-Sur Bondin. 

Huwa kompla jgħid li d-diskussjonijiet b’rabta ma’ dan il-ftehim kollettiv, għalkemm ħadu ż-żmien tagħhom, kienu pjaċevoli fejn iż-żewġ naħat iltaqgħu flimkien,  tgħallmu mingħand xulxin u finalment intlaħaq qbil. “Rajna ħafna affarijiet sabiex nagħtu aktar struttura f’din il-Fondazzjoni, u aktar ħajja.”

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Fondazzjoni Arka, Fr Michael Galea qal li dan il-ftehim kollettiv huwa frott ta’ snin ta’ diskussjonijet, li fl-aħħar mill-aħħar se jiggwadanjaw minnu kemm il-ħaddiema kif ukoll il-Fondazzjoni.

“Fondazzjoni Arka toffri servizzi għal persuni b’diżabilità u kien jixraq li ninvestu fil-ħaddiema biex ikunu jistgħu jagħtu l-aħjar servizz u jkollhom l-aħjar kundizzjonijiet ta’ xogħol u anke titjib fil-pagi,” tenna Fr Galea.

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kolletiv kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, il-President Victor Carachi u d-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri.

Ekonomija

Sport