Friday, November 29, 2024

Il-GWU protagonista fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union kienet minn ta’ quddiem fil-battalja għad-drittijiet tal-ħaddiema, il-ġustizzja soċjali u l-prosperità ekonomika f’Malta. Il-vjaġġ li nbeda 80 sena ilu, nhar il-5 ta’ Ottubru 1943, u li baqa’ miexi ‘l quddiem mal-milja tas-snin, wera kemm il-GWU kienet protagonista fl-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż.

Kien dan il-messaġġ ewlieni tas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja meta llum kien qed jindirizza l-għeluq tal-konferenza internazzjonali li tellgħet il-GWU fl-okkażjoni tat-80 anniversarju mit-twaqqif tal-istess unjin.

Huwa qal li l-vjaġġ li baqgħet miexja fih l-unjin kien wieħed ta’ dedikazzjoni u llum qegħdin hawn biex infakkru mhux biss l-istorja tal-GWU, iżda biex inħarsu ‘l quddiem b’determinazzjoni lejn futur li jinkwadra l-prinċipji tad-dinjità tal-persuna, il-protezzjoni soċjali, l-innovazzjoni u s-sostenibilità.

“Fejn kull ħaddiem għandu jipparteċipa b’mod sħiħ fit-tfassil tal-futur tiegħu u wkoll ikun iċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. L-istess prinċipji li aħna għamilna ħalfa li nibqgħu ngħożżu u nħaddnu,” kompla jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. “Il-wirt li nħallu jrid ikun wieħed ta’ bidla pożittiva, fejn kull ħaddiem jingħata s-setgħa li jfassal il-ħajja tiegħu, u ħadd ma jtħalla lura.”

“Irridu naħdmu għal futur aħjar għall-imsieħba tagħna”

Is-Sur Bugeja saħaq ukoll li llum qegħdin fuq ix-xefaq ta’ era ġdida, politika ffukata fuq it-temi li ġew diskussi f’dawn il-iem. U filwaqt li nirriflettu fuq il-passat tagħha, issa rridu niffukaw fuq l-enerġiji u l-ħidma tagħna lejn futur li jonora l-istorja, il-valuri u l-prinċipji tagħa. “Irridu naħdmu għal futur aħjar għall-imsieħba tagħna.”

Huwa tenna li matul is-snin kien hemm min qal li t-trejdunjins m’għadhomx relevanti, tant li fl-anniversarju tas-60 sena kien hemm min qal li l-GWU waslet għal pensjoni. Iżda ż-żmien wera kemm dan l-argument żbaljat għax il-GWU għadha relevanti daqs kemm kienet fl-imgħoddi. Tant li llum qed tiċċelebra t-80 sena u hekk se tibqa’ tagħmel fil-ġejjieni.

Filwaqt li qal li d-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’rata mgħaġġla, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq fuq il-bżonn li l-unjin tkompli tadatta għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema.

Meta kien qed jitkellem dwar l-innovazzjoni, huwa qal li din għandha twassal għal aktar inklużjoni, u għandha dejjem tagħti prijorità lid-dinja tal-individwi.

Skema li tirrifletti l-qalb tal-unjin

Huwa kompla billi nnota li l-bidla qiegħda sseħħ anke fi ħdan il-union. Fisser l-inizjattiva tal-pensjonijiet kollettivi privati bħala waħda innovattiva u mfassla b’għan wieħed u ċar – dik li tipprovdi lill-ħaddiema b’għażliet ta’ rtirar siguri, sostenibbli u dinjitużi.

“Dan is-servizz ġdid nemmnu li għandu jpoġġi fuq quddiem nett il-GWU mhux biss bħala l-akbar unjin iżda l-aqwa waħda.L-iskema tirrifletti l-qalb tal-unjin tagħna – il-wegħda li niddefendu d-dinjità, il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema tul ħajjithom.”
Bugeja żied isemmi li l-GWU investiet f’sistemi interni diġitali, f’dipartiment tal-marketing, f’dipartiment ta’ sħubija, u t-tnedija ta’ servizz ġdid tal-card diġitali li se tissimplifika l-aċċess tal-ħlas tal-miżata u tagħmilha aktar faċli għall-membri sabiex jaċċessaw diversi servizzi fi ħwienet differenti u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn diversi roħs fuq il-prodotti.

Kollaborazzjoni favur aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU kompla jgħid li jekk irridu futur aħjar għas-soċjetà tagħna, jeħtieġ li nkunu aktar miftuħa, jeħtieġ li naħdmu aktar ma’ organizzazzjoni mhux governattivi.

Kien hawn fejn laqa’ l-ftehim li sar bejn il-GWU u l-Allied Rainbow Communities. Kollaborazzjoni li għandha ġġib għall-GWU aktar għarfien dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+ filwaqt li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’kull post tax-xogħol mal-ARC.

“Dan il-ftehim huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn l-inklussività u nirrikonoxxu li l-għanijiet komuni tagħna jistgħu jintlaħqu b’mod aktar effettiv meta naħdmu id f’id. Dan il-ftehim huwa xhieda tad-dedikazzjoni tagħna bla waqfien biex navvanzaw il-ġid komuni tal-ħaddiema kollha f’Malta,” qal Bugeja.

Dwar il-futur, filwaqt li rrikonoxxa li jista’ jkun inċert u mimli sfidi, huwa qal li dan huwa wkoll mimli opportunitajiet. Qal li flimkien nistgħu nibnu futur fejn kull ħaddiem jiġi trattat b’dinjità, fejn il-protezzjoni soċjali hi dritt mhux privileġġ fejn l-innovazzjoni taqdi lill-umanità u fejn is-sostenibilità hija l-pedament tas-sistemi ekonomiċi u soċjali tagħna.

“Ejjew inħallu din il-konferenza b’viżjoni kollettiva — viżjoni ta’ futur isbaħ għal kulħadd. Futur fejn il-ħidma tagħna tibqa’ tiddi bħala xempju ta’ tama u progress. Futur fejn id-drittijiet tal-ħaddiema huma sagrosanti, il-protezzjoni soċjali hija mill-aqwa, l-innovazzjoni hija ċċentrata fuq il-bniedem, u s-sostenibbiltà hija importanti ħafna.”

Huwa temm id-diskors tiegħu billi radd ħajr lill-bqija tal-membri tal-amministrazzjoni, lis-Segretarji tat-Taqsimiet kollha, l-uffiċjali u l-ħaddiema tal-union, fl-istess waqt li rringrazzja wkoll lill-mistiedna barranin kif ukoll lill-Prim Ministru, Kap tal-Oppożizzjoni u lil dawk kollha li taw sehemhom f’din il-konferenza internazzjonali.

Sport