Saturday, December 21, 2024

Il-GWU tibqa’ taħdem biex jkomplu jiġu indirizzati l-inġustizzji

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li ninsabu fid-dover, b’mod kollettiv, u obbligati li nħallu pajjiż aħjar għal uliedna imma fil-mument għandna d-dmir li ntejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Huwa qal dan waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit li saret il-Ħamis filgħaxija.

Qal li matul dawn l-aħħar snin kien hemm bosta miżuri li ddaħħlu li għenu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja imma daħlu wkoll ċertu kunċetti li jeħtieġ li jiġu indirizzati.

Tkellem dwar l-importanza li jkun hemm ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur għax ma jistax ikun li jkun hemm ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol iżda wieħed jieħu ħlas mod, għax ikun kopert bi ftehim kollettiv, u ieħor ma jkunx qed jieħu l-istess paga. Qal li jeħtieġ li issa l-kundizzjonijiet jiġu ugwali jekk verament irridu li l-ġid li qed jinħoloq, tassew jinqasam ma’ kulħadd.

Qal li llum il-ġurnata għandna opportunità li noħolqu dinja ġdida li ġiet affettwata mill-pandemija. Tkellem ukoll dwar l-importanza li fost l-oħrajn jiġu indirizzati l-forom ġodda ta’ xogħol li qed jiżvluppaw miż-żminijiet.

Bugeja qal li rridu nibdew nitkellmu fuq affarijiet, anke jekk nimplimentawhom b’mod gradwali, biex naraw li kulħadd ikollu ħajja diċenti. 

Bugeja rrefera għall-istudju li qed tagħmel il-GWU dwar il-living income biex verament kulħadd jilħaq u jkollu l-għajxien diċenti u ħajja ta’ kwalità. Semma kif meta nitkellmu fuq il-living income qed nitkellmu ukoll fuq il-pensjonanti.

Bugeja tkellem ukoll dwar inġustizzji oħra li ssemmew u li qed jaħdmu fuqhom u li jeħtieġ li jiġu indirizzati fosthom ta’ dawk li jimirdu bl-asbestos.

Bugeja żied jgħid: “Nitkellmu ħafna dwar active aging allura l-kunċett ta’ ħlas ta’ taxxa fuq min jibqa’ wara l-pensjoni jrid jiġi indirizzat biex ninċentivaw lill-pensjonanti jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.”

Semma kif huwa diżgustanti l-fatt li jkun hemm min iħaddem li jiġbor taxxa bħal income tax u s-sigurtà soċjali u ma jgħaddihix lill-gvern. 

“Mill-istatistika li ġbarna aħna hemm mal-400 miljun li huma sigurtà soċjali li nqatgħu fil-pagi tal-ħaddiema u ma għaddewhomx lill-gvern u mal-€1 biljun f’taxxi, mhux income tax biss, li ma għaddewx lill-gvern. Jekk nemmnu li rridu noħolqu sostenibiltà, kemm fil-pensjonijiet tagħna, kemm fil-benefiċċji soċjali, biex ngħinu lill-iktar vulnerabbli, huwa fid-dover li n-nies jgħaddu dawn il-flus. Trid issir enfażi kbira biex dawn jingħaddu għax mhux ġust li lill-impjegat tinqatalu l-bolla u min iħaddem ma jgħaddihomx.”

Huwa temm jgħid: “Il-ħsieb tagħna kollettiv huwa li ntejbu l-kwalità tal-iktar nies vulnerabbli u taċ-ċittadini komuni. Hekk biss nistgħu lkoll nimxu ‘l quddiem.”

Ekonomija

Sport