Il-GWU tikseb ir-rikonoxximent ewlieni tal-ħaddiema ta’ IAC Malta Ltd.

Aqra wkoll

It-Taqsima Marittima, Trasport u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) kisbet ir-rikonoxximent uffiċjali bħala l-unika union rappreżentattiva tal-ħaddiema fil-gradi ta’ Prepper, Primer, Painter u Team Leader impjegati ma’ IAC Malta Ltd. Dan wara li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) temm il-proċess ta’ verifika li sar wara t-talba tal-GWU għar-rikonoxximent uniku ta’ dawn il-ħaddiema.

Dan ir-riżultat seta’ jintlaħaq wara li l-ħaddiema f’dawn il-gradi għarfu l-benefiċċji tas-sħubija fl-akbar union tal-pajjiż u taw il-fiduċja tagħhom lill-GWU biex tirrappreżentahom. Il-verifika mwettqa mid-DIER ikkonfermat li l-GWU tgawdi l-appoġġ meħtieġ biex tingħata r-rikonoxximent uniku hekk kif 100% tal-ħaddiema f’dawn il-gradi huma membri tal-GWU.

Dan ir-rikonoxximent jasal wara perjodu diffiċli li għaddew minnu dawn il-ħaddiema. Meta kienu għadhom impjegati mal-kumpanija Aviation Cosmetics, huma ffaċċjaw diversi sfidi, fosthom dewmien fil-ħlas tal-pagi tagħhom għal numru ta’ ġimgħat. Il-GWU intervjeniet minnufih u fetħet diskussjonijiet kemm mal-kumpanija kif ukoll mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, sabiex tinstab soluzzjoni li tħares l-interessi tal-ħaddiema u tiżgura l-kontinwità tal-operat.

Ftit ġimgħat wara, il-ħaddiema ġew infurmati li IAC Malta Ltd, parti mill-IAC Group – waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja fis-settur tal-painting u s-spraying tal-ajruplani – kienet se tieħu f’idejha l-operat tal-kumpanija. Dan l-iżvilupp ta serħan il-moħħ lill-ħaddiema u fetaħ il-bieb għal futur aktar stabbli, filwaqt li żamm l-investiment u l-operat f’Malta.

Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima, Trasport u Avjazzjoni, Jurgen Azzopardi, irringrazzja lill-membri tal-fiduċja li wrew fil-GWU u qal li l-pass li jmiss huwa li jkomplu d-diskussjonijiet mal-maniġment il-ġdid sabiex jissaħħu u jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati.

“Huwa ta’ sodisfazzjon li l-ħaddiema għażlu lill-GWU bħala l-unika union rappreżentattiva tagħhom. Issa rridu nibnu fuq dan ir-riżultat u naħdmu flimkien mal-maniġment il-ġdid biex niżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u futur aktar stabbli għal dawn il-ħaddiema,” temm jgħid Azzopardi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport