Thursday, July 23, 2026
Home Sport UEFA Conferenece League: Illum Valletta jibdew l-avventura Ewropea b’logħba diffiċli għand Rakow

UEFA Conferenece League: Illum Valletta jibdew l-avventura Ewropea b’logħba diffiċli għand Rakow

0
3
ritratt: Mark Mangion

Minn Cristian Muscat

Valletta jibdew l-avventura tagħhom fil-kompetizzjonijiet Ewropej ta’ dan l-istaġun meta jilagħbu fl-ewwel leg tat-tieni round tal-UEFA Conference League b’test mill-aktar diffiċli hekk kif jaffrontaw lil Rakow Czestochowa tal-Polonja.

Il-Beltin huma konxji li se jkunu qed jiffaċ­ċjaw wieħed mill-aktar timijiet b’saħħithom tal-football Pollakk, iżda fl-istess ħin se jkunu determinati li jiksbu riżultat pożittiv li jħallihom b’ċans tajjeb għat-tieni leg.

Rakow huma wieħed mill-clubs li għamlu l-akbar progress fil-football Pollakk matul dawn l-aħħar snin. Imwaqqfa fl-1921, it-team kiseb l-ewwel suċċess storiku tiegħu meta fl-2023 rebaħ il-kampjonat Pollakk għall-ewwel darba, filwaqt li rebaħ ukoll żewġ edizzjonijiet konsekuttivi tat-Tazza tal-Polonja u s-Super Cup.

Barra minn hekk, għandhom esperjenza Ewropea importanti wara li lagħbu kemm fil-UEFA Champions League kif ukoll fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa League.

Fl-istaġun li għadda, Rakow spiċċaw fir-raba’ post tal-Ekstraklasa Pollakka u għal darb’oħra kisbu post fil-kompetizzjonijiet Ewropej. It-team huwa mmexxi mill-coach, Da­wid Kroczek, li għandu skwadra mimlija kwalità u esperjenza internazzjonali.

Min-naħa l-oħra, Valletta jinżlu għal din il-logħba wara sajf attiv ħafna fis-suq tat-trasferimenti. Il-club investa sabiex isaħħaħ l-iskwadra b’għadd ta’ akkwisti ta’ esperjenza internazzjonali, sinjal ċar tal-ambizzjoni li jkun kompetittiv kemm fil-kampjonat domestiku kif ukoll fl-Ewropa.

L-akbar isem li ngħaqad mal-Beltin huwa, bla dubju, id-difensur Bosnijak Ermin Bicakcic, eks player ta’ Hoffenheim fil-Bundesliga Ġermaniża u internazzjonali bi 43 dehra mat-team nazzjonali tal-Bosnja, inkluża l-parteċipazzjoni fit-Tazza tad-Dinja tal-2014. L-esperjenza tiegħu tista’ tkun kruċjali biex jorganizza d-difiża kontra attakk b’saħħtu bħal dak ta’ Rakow.

Fl-attakk, Valletta żiedu l-qawwa offensiva tagħhom bil-firma tal-Brażiljan Alex Tanque, attakkant fiżiku, kif ukoll bil-wasla ta’ Bruno Gomes, player veloċi u b’istint tajjeb quddiem il-lasti li kiseb esperjenza fil-Brażil, fil-Portugall, fl-Italja, fl-Albanija u fl-Indoneżja.

F’nofs il-ground, il-Montenegrin Petar Sekulovic mistenni jkun pedina importanti grazzi għall-esperjenza tiegħu fil-football Ewropew u l-kapaċità li jagħti bilanċ lit-team.

Keyon Ewurum, irritorna minn avventura mat-team tal-Primavera ta’ Torino. Dan il-player ta’ 19-il sena huwa meqjus bħala wieħed  mill-aktar talenti promettenti tal-club, li jista’ jkollu rwol importanti matul il-kampanja Ewropea kif ukoll fil-kampjonat domestiku.

Il-coach Belti, Thane Micallef, jaf li t-team tiegħu se jkollu jkun organizzat ħafna tattikament u jillimita kemm jista’ jkun l-ispazji kontra avversarji li jħobbu jiddominaw il-pussess tal-ballun. Riżultat pożittiv barra minn pajjiżna jagħti tama kbira lill-Beltin qabel il-konfront ta’ ritorn.

Fuq il-karta Rakow se jibdew bħala favoriti minħabba l-esperjenza tagħhom, il-livell tal-kampjonat Pollakk u l-vantaġġ li jilagħbu quddiem il-partitarji tagħhom. Madankollu, Valletta jittamaw li jkollhom wirja dixxiplinata u kuraġġuża sabiex iżommu ħajjin it-tamiet tagħhom ta’ kwalifikazzjoni qabel it-tieni leg.

ll-partita se tintlagħab fis-6.30 pm u se tintwera diretta fuq TVMSport+.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here