Friday, May 3, 2024

IL-GWU u l-APS bi skema ta’ pensjoni għall-membri tal-Union

“Dan huwa mument storiku għall-union u għall-ħidma tagħha fis-soċjetà” - Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU

Aqra wkoll

Il-GWU żiedet benefiċċju ieħor għall-membri tagħha bil-għan li jibdew jaħsbu għal meta jirtiraw mix-xogħol. Dan il-benefiċċju se jkun fil-forma ta’ skema volontarja ta’ pensjoni personali li tkun apparti l-pensjoni tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.

It-tnedija ta’ din l-iskema saret ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u mill-Kap tas-Settur tal-Investiment fi ħdan il-Bank APS Kenneth Genovese. Flimkien mal-iskema ta’ pensjoni personali għall-membri – GWU/APS Personal Pension Plan, tħabbret ukoll l-Occupational Pension Plan, li tista’ tkun offruta lill-ħaddiema mill-postijiet tax-xogħol organizzati mal-GWU.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Bugeja fisser it-tnedija ta’ dawn l-iskemi bħala pass sinjifikanti fl-impenn kontinwu tal-GWU għall-benesseri tal-membri tagħha. Qal li bl-introduzzjoni ta’ dawn l-iskemi mhux biss qed jassiguraw il-futur finanzjarju tal-membri iżda qed jagħtuhom is-setgħa li jgħixu s-snin tal-irtirar tagħhom b’dinjità u serħan il-moħħ.

Bugeja nnota kif flimkien mal-Bank APS, il-GWU hija l-ewwel unjin li qed tniedi din l-iskema volontarja bħala pjan ta’ tfaddil biex il-membri tagħha jżommu l-kwalità tal-ħajja li tixirqilhom meta jiġi biex jirtiraw. “Irridu nenfasizzaw li s-soċjetà tagħna qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel u l-prijoritajiet qed jinbidlu għall-membri tagħna wkoll. Aħna nemmnu li dawn is-servizzi se jilħqu l-aspirazzjonjiet tal-membri tagħna.”

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU tenna jgħid li l-union tibqa’ tal-fehma li l-Gvern għandu jibqa’ responsabbli mill-pensjoni nazzjonali iżda jemmnu wkoll li wasal iż-żmien li l-impjegati jaħsbu biex jissuplimentaw il-pensjoni tagħhom. Irrimarka wkoll li “illum irridu ngħaddu messaġġ lill-membri li mhumiex waħedhom f’dan il-vjaġġ u li l-GWU tinsab hawn biex tappoġġjahom.”

Sadanittant, il-Kap tas-Settur tal-Investiment fi ħdan il-Bank APS Kenneth Genovese fi preżentazzjoni li għamel ta ħarsa lejn x’joffru dawn l-iskemi ta’ pensjoni. Fost l-oħrajn spjega kif meta jirreġistraw, il-membri se jirċievu bonus ta’ €150 miżjud mal-pjan tal-pensjoni ġdid tagħhom. Barra minn hekk, il-Personal Pension plan u l-Occupational Pension Plan għandhom ħlas inizjali orħos li jagħmluha aktar aċċessibbli u affordabbli għall-istess membri. Dan joffri vantaġġ biex il-membri jibdew jippjanaw għall-irtirar tagħhom.

Intqal ukoll li min jissieħeb se jkun eleġibbli għal kreditu ta’ taxxa ta’ 25% mogħti mill-Gvern fuq il-kontribuzzjonijiet tagħhom fil-fond. Dan il-kreditu huwa sa massimu ta’ 750 ewro fis-sena.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur il-GWU jew waħda mill-fergħat tal-Bank APS, kif ukoll iċemplu fuq 25679000. Filwaqt li jistgħu wkoll jibagħtu email fuq [email protected].

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport