Wednesday, April 24, 2024

Il-gżejjer Maltin jintlaqtu minn żewġ terremoti oħra

Aqra wkoll

Il-grupp ta’ moniteraġġ u riċerka siżmika fl-Università ta’ Malta, ftit tal-ħin ilu għadu kemm irreġistra żewġ terremoti.

L-ewwel terremot ġie irreġistrat ftit minuti qabel ma daqqu t-tokki ta’ nofsinhar, għall-ħabta tal-11:38 a.m. fejn inħass terremot b’qawwa ta’ 4.9 fuq l-Iskala Richter u li kien lokalizzat fil-baħar. Rigward it-tieni wieħed l-unika informazzjoni li rnexxielhom jiksbu s’issa kienet li seħħ erba’ minuti wara l-ewwel wieħed u li kien inqas b’saħħtu mill-ieħor.

Fl-aħħar jiem, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn sensiela ta’ terremoti li varjaw anke fil-kejl tagħhom. Intant, lejn tmiem il-ġimgħa li għaddiet, dan is-sit kien għamel kuntatt ma’ Prof. Pauline Galea mid-Dipartiment tal-Geoxjenza fl-Università ta’ Malta minħabba l-biża’ li bdiet titnissel fost xi wħud wara li ġew reġistrati iktar minn 30 terremot f’temp ta’ ftit jiem.

Prof. Galea kienet spjegat li għalkemm “Ma nistgħu neskludu xejn, però, ir-riċerka turi li terremoti simili huma xi ħaġa tipika tar-reġjun”.

Għalkemm diversi persuni minn lokalitajiet madwar il-gżira ta’ Malta esperjenzaw dawn it-terremoti, kummenti li nxterdu fuq il-midja soċjali juru reazzjonijiet imħallta għaliex mhux kull lokalità ġiet affettwata bl-istess mod.

Sport