Il-Ħadd, 22 ta’ Settembru, Island Car Club organizza l-ħames rawnd tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Hillclimb fil-Girgenti limiti tas-Siġġiewi. 70 sewwieq ikkompetew fi gruppi u klassijiet differenti.
Christian Azzopardi, fuq ir-Radical Clubsport tiegħu, għal darb’oħra kiseb l-ewwel post, b’ħin ta 35.394 sekonda. Ir-rebħa tiegħu kienet ikkontestata mill-qrib ħafna minn Terence Vella, ukoll fuq Radical Clubsport, li spiċċa f’35.508 sekondi. Sewwieq ieħor ta esperjenza, Jean Vella, fuq il-Jedi F1000 tiegħu, kiseb it-tielet post b’ħin ta’ 36.507 sekondi.
Silvio Sciberras rebaħ il-klassi tal-veterani. Josef Calleja kien l-aktar veloċi fil-kategoriji four-wheel-drive u Street Class, Noel Galea rebaħ il-kategorija rear-wheel-drive, filwaqt li Didier Bugeja kien l-aktar veloċi f’karozza front-wheel-drive.
Tara Falzon kienet l-iktar sewwieqa femminili veloċi tal-ġurnata, u Isaac Burlò kien l-aktar veloċi f’karozza klassika. Nicholas Micallef l-iktar sewwieq veloċi taħt il-25 sena, filwaqt li David Galea kien l-aktar sewwieq veloċi fil Guest Class.
L-antiċipazzjoni għar-rawnd li jmiss li ser isir il-Ħadd, 20 ta’ Ottubru hija waħda kbira. Il-post fejn ser isir dan ir-round għandha tiġi żvelata fil-jiem li ġejjien.