Milan u Juventus bdew taħditiet mar-rappreżentanti ta’ Viktor Gyokeres, hekk kif l-attakkant ta’ Arsenal qed jikkunsidra l-futur tiegħu.
L-internazzjonali Svediż jinsab frustrat wara li tilef postu fl-ordni tal-għażla, bil-coach, Mikel Arteta, issa jidher li qed jippreferi lil Kai Havertz bħala l-attakkant ċentrali ewlieni tiegħu.
Ir-rappreżentanti ta’ Gyokeres kellhom taħditiet inizjali maż-żewġ clubs Taljani, kif ukoll ma’ Al Ahli u Al Ittihad tal-Arabja Sawdija.
Arsenal mhux qed ifittxu b’mod attiv li jbigħu lill-player, iżda jista’ jkun hemm aktar flessibbiltà fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar jekk il-club ikun jista’ jakkwista attakkant ta’ profil għoli biex ikun is-suċċessur tiegħu.
Gyokeres ingħaqad ma’ Arsenal mingħand Sporting fl-2025 għal €67 miljun inklużi l-add-ons. Minkejja li ma kkonvinċiex kompletament fl-ewwel staġun tiegħu fl-Emirates, huwa skorja 14-il goal fil-Premier League u 21 goal fil-kompetizzjonijiet kollha, hekk kif Arsenal rebħu l-kampjonat u waslu sal-finali taċ-Champions League.
Għal Juventus, l-interess fi Gyokeres huwa parti minn tfittxija usa’ għal soluzzjonijiet fl-attakk. Milan, min-naħa l-oħra, qed jiddependu fuq Goncalo Ramos, li ngħaqad magħhom dan is-sajf bħala l-aktar akkwist għali fl-istorja tal-club.




