Raġel maqbud fuq filmat f’hit-and-run fil-Marsa jitressaq il-Qorti

Aqra wkoll

Justin Vella ta’ 41 sena wieġeb mhux ħati għal 12-il akkuża b’rabta ma’ inċident ta’ hit-and-run fil-Marsa li nqabad fuq filmati mxerrdin fuq il-midja soċjali.

Raġel li deher f’filmat li xxandar fuq il-midja soċjali jwettaq hit and run, jgħaddi minn fuq dawl aħmar u jagħmel U-turn fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa, tressaq il-Qorti mixli bi 12-il akkuża b’rabta mal-inċident. Justin Vella, ta’ 41 sena minn Marsaskala u li jaħdem għal rasu, ġie mixli li kkawża ġrieħi gravi lil persuna, li telaq minn fuq il-post wara li weġġa’ persuna, u li saq b’mod traskurat u perikoluż.

Huwa ġie akkużat ukoll li saq b’veloċità eċċessiva, li saq meta ma kienx f’kundizzjoni li jagħmel dan minħabba xorb jew droga, li qabeż il-limitu legali tal-alkoħol waqt is-sewqan, li saq taħt l-effett tad-droga u li rrifjuta li jagħmel test tal-breathalyser. Fost l-akkużi l-oħra, Vella jinsab mixli li naqas milli josserva r-regolamenti tat-traffiku, li għamel U-turn u li naqas milli jieqaf meta s-sinjal tat-traffiku kien fuq l-aħmar.

Il-Pulizija ġiet infurmata għall-ħabta tal-10pm fl- 20 ta’Settembru li persuna li kienet intlaqtet minn vettura fi Triq Diċembru Tlettax, il-Marsa, kellha bżonn assistenza medika urġenti.
Meta l-uffiċjali waslu fuq il-post, sabu lill-vittma feruta wara li kienet intlaqtet minn karozza li s-sewwieq tagħha telaq minn fuq il-post immedjatament wara l-impatt.

Tim mediku ta l-ewwel għajnuna lill-vittma fuq il-post qabel din ittieħdet b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi gravi. L-investigaturi minnufih bdew tfittxija għall-vettura involuta u, ftit tal-ħin wara, sabu BMW ipparkjata f’Marsaskala. Vella ġie arrestat ftit wara.

Skont xhieda fuq il-post, il-BMW laqtet lill-persuna wara li s-sewwieq allegatament għadda minn fuq dawl aħmar. Mal-impatt, il-mera tal-ġenb tal-vettura nqalgħet u baqgħet fuq il-post. Wara l-ħabta, is-sewwieq allegatament għamel U-turn u waqaf għal ftit. Xhieda qalu li raw raġel bla flokk u bit-tattoos joħroġ mill-vettura, iżda allegatament ma marx jara f’liema kundizzjoni kienet il-persuna li ntlaqtet u lanqas ipprova jagħtiha xi għajnuna, qabel reġa’ saq minn fuq il-post.

Il-Qorti semgħet ukoll li, waqt li l-Pulizija kienet għadha qed tassigura l-post u tiġbor il-provi, is-suspettat allegatament reġa’ għadda minn fuq il-post tal-inċident b’veloċità.
Il-Qorti semgħet li waqt l-arrest tiegħu u l-interrogazzjoni sussegwenti mill-Pulizija, Vella allegatament ma kkooperax. Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat diġà kellu każijiet mal-liġi u li bħalissa jinsab taħt sentenza sospiża li għadha fis-seħħ.

Il-prosekuzzjoni ppreżentat fil-Qorti l-istqarrija tal-akkużat, filmati mill-bodycams tal-Pulizija kif ukoll ir-riżultat ta’ test tal-breathalyser.

Vella wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih, filwaqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għat-talba, filwaqt li għamlet referenza għan-natura perikoluża tal-aġir tal-akkużat, fosthom il-fatt li allegatament reġa’ għadda b’veloċità minn fuq il-post tal-inċident waqt li l-Pulizija kienet għadha qed tiġbor il-provi.

Il-prosekuzzjoni argumentat ukoll li kien għad hemm riskju ta’ intralċ tal-provi, peress li xhieda ċivili ewlenin, kif ukoll il-vittma, għadhom ma xehdux quddiem il-Qorti. Min-naħa tagħha, id-difiża argumentat li hemm għadd kbir ta’ filmati tal-inċident u li l-provi kollha ġew ippreservati. Irrimarkat ukoll li l-Pulizija diġà waslet għall-identità tal-akkużat u li x-xhieda li kienu fuq il-post diġà taw il-verżjoni tagħhom lill-investigaturi u identifikaw lis-suspettat.

Id-difiża għalhekk staqsiet x’jista’ jinbidel fil-ġimgħat li ġejjin li jiġġustifika li l-akkużat jibqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Id-difiża qajmet ukoll punt proċedurali, u rrimarkat li minkejja r-referenza tal-prosekuzzjoni għall-passat kriminali tal-akkużat, ma kien hemm l-ebda akkuża ta’ reċidiva fil-lista tal-akkużi ppreżentata kontrih.

L-Ispettur Clive Abela mexxa l-prosekuzzjoni. L-avukati tad-difiża Amadeus Cachia u Ishmael Psaila dehru għal Vella. L- avukat Michele Cardinali deher ghall- parte civile. Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech se tiddeċiedi dwar it- talba għall-ħelsien mill-arrest in camera.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport