Fil-jiem li għaddew saru diskorsi fil-Parlament dwar kemm hi kbira l-ħtieġa li d-drittijiet tal-annimali jkunu mħarsa dejjem u kullimkien. Dak li ntqal jirrifletti wkoll illi l-ħarsien tal-annimali għandu jkompli jkun imssaħħaħ aktar kif wara kollox jixraq.
U meta nitkellmu dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-annimali ma għandniex nirreferu biss għall-klieb u l-qtates domestiċi, dawk meqjusa bħala ‘pets, iżda għal kull ġeneru ta’ annimali.
Nammettu li minn snin ilu ’l hawn, dan il-qasam ingħata spinta kbira ’l quddiem u wassal biex kiber l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali inklużi dawk li jiġġerrew fit-toroq. Bħal ma jsir f’kollox, il-progress illi sar xorta jibqagħlu lok biex jiġi mtejjeb.
Id-deċiżjoni ta’ ftit snin ilu, illi jkun hemm Kummissarju għall-ħarsien tal-annimali kien pass fid-direzzjoni t-tajba, meta jitqies li l-annimali ma għandhomx vuċi u għalhekk għandhom bżonn min jitkellem għalihom. Għalhekk nemmnu fil-ħtieġa illi jibqa’ jkun hemm investiment adegwat biżżejjed biex il-ħarsien tal-annimali, partikolarment kontra l-moħqrija, ikun wieħed konkret u mhux bil-kliem biss.
Nemmnu wkoll li mhux biss għandu jkun hemm sptar nazzjonali attrezzat iżda anke post fejn dawn jindifnu wara li jmutu. Għalhekk naqblu mad-deċiżjoni li fix-xhur li ġejjin, titwettaq mira oħra importanti f’dan il-qasam, deċiżjoni li ilha mistennija għal diversi snin, u li hi waħda mill-miżuri tal-manifest elettorali ta’ dan il-Gvern illi jkun hemm ċimiterju għall-annimali.
Fil-fatt is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Agrikoltura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said stess ħabbret fil-parlament li diġà hemm il-fondi allokati biex dan iċ-ċimiterju jibda jiffunzjona s-sena li ġejja. Dan fil-kuntest ukoll illi ħafna annimali domestiċi huma għeżież u meqjusa parti mill-familji li jitrabbew fiha.
B’sodisfazzjon ninnotaw illi matul din is-sena stess, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali irċieva diversi sejħiet għal assistenza, fejn fil-parti l-kbira ta’ dawn il-każi, l-annimali ġew salvati u kkurati.
Huwa pożittiv ukoll li aktar kmieni din is-sena reġgħet kienet varata l-kampanja għat-tiswija tal-qtates, fejn diġà ġew imsewwija ammont sostanzjali ta’ qtates li jgħixu u jiġġerrew fit-toroq.
F’dan is-sens ukoll nemmnu fil-kunċett illi min jixtieq irabbi għandu jadotta u mhux jixtri sabiex b’hekk tkun qed titaffa l-pressjoni minn fuq santwarji li wħud minnhom huma ffullati. Għalhekk, il-ħarsien tal-annimali għandu jibqa’ wieħed qawwi għaliex wara kollox, il-kejl ta’ kemm tkun ċivili soċjetà huwa dak ta’ kif titratta l-annimali tagħha.