Wednesday, April 24, 2024

Il-ħatra ta’ Bernard Grech … min jirriżenja, min jirritorna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-għażla tal-Avukat Bernard Grech bħala l-kap il-ġdid tal-PN ġabet reazzjonijiet opposti fi ħdan il-partitarji Nazzjonalisti b’min jarah bħala xaqq ta’ dawl għall-partit u min ħassu dispjaċut li Adrian Delia tneħħa kif tneħħa.

Fost dawk li baqgħu leali lejn l-eks-kap kien hemm min li iddikjara li ma riedx jibqa’ fil-partit u anke ħabbar ir-riżenja tiegħu.

Louise Tedesco, preżentattriċi magħrufa fuq NET TV, ħabbret li kienet infurmat lis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech li b’effett immedjat kienet irriżenjat minn kull kariga fil-PN, inkluż dik ta’ kunsilliera lokali fil-Ħamrun, u anke li se ttemm ix-xogħol tagħha mal-istess stazzjon.

Doriana Portelli, kunsilliera f’Birżebbuġa, ukoll ħasset il-fatt li Delia kien tneħħa u fuq il-media soċjali irrimarkat li meta dak li jsir sfaċċatament quddiem għajnejha ma jkunx konformi mal-valuri li tħaddan hija ma tittradixxix u għalhekk iddikjarat li se twarrab b’mod immedjat għalkemm se tibqa’ fil-kunsill bħala indipendenti.

Kunsilliera oħra li rriżenjat mill-PN kienet Deborah Mifsud li issa se sservi bħala indipendenti f’Birkirkara. Hija wkoll infurmat lis-Segretarju Ġenerali tal-PN bid-deċiżjoni tagħha kif ukoll li kienet ħalliet il-Kumitat Eżekttiv tal-PN li wkoll kienet tagħmel parti minnu.

Charmaine Aquilina, kunsilliera fil-Marsa, ukoll infurmat lil Zammit Dimech li kienet irriżenjat mill-partit għalkemm se żżomm postha fl-imsemmija lokalità bħala kunsilliera indipendenti. Hija iddikjarat li Delia kien l-aħħar kap tal-PN li appoġġjat.

Alan Said, membru tal-Kumitat Eżekuttiv u anke tal-forum SMEPN, ukoll irriżenja fejn qal li ma kienx ħerqan jagħti ħinu, flus u l-enerġija għal partit li tilef ruħu. Huwa nsista li ma kienx se jaħli aktar ħin għal dawk li sejjaħ bħala nies bla siwi.

Min-naħa l-oħra kien hemm partitarji Nazzjonalisti li mhux biss ħadu r-ruħ li Grech kien għeleb lil Delia imma li anke ikkundannaw u ikkritikaw lil dawk li rriżenjaw u qalulhom li l-PN ma kellux bżonn tagħhom. Fosthom kien hemm min irrimarka li kienu qed jagħmlu l-kontra ta’ li qal Delia fejn wara t-telfa dan wiegħed li se jkun leali lejn il-kap il-ġdid.

Il-battibekki fuq il-media soċjali bejn dawk favur Grech u dawk leali lejn Delia komplew wara li tard is-Sibt filgħaxija kien hemm diżgwid bejn il-partitarji tat-tnejn li huma quddiem id-Dar Ċentrali hekk kif tħabbar ir-riżultat u anke kellhom ikunu l-pulizija li intervjenew biex jikkalmawhom.

Sport