Il-ħela tal-ikel tmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Dan għaliex li filwaqt li ħafna għandhom abbundanza fl-ikel, hemm ħafna oħrajn madwar id-dinja kollha li qed ibatu l-ġuħ. Dan f’ċertu każi jgħodd ukoll għal pajjiżna, tant hu hekk illi biex tiġi miġġielda l-problema tal-ħela tal-ikel twieldet f’dawn l-aħħar jiem inizjattiva xprunata mill-Gvern biex kemm jista’ jkun tiġi mitigata l-ħela tal-ikel. Għaliex il-ħela f’ebda każ ma hi ġustifikata.
Dan jorbot ukoll mal-ħtieġa li jkun hemm bidla fil-mentalità, li trid titrawwem sa minn età żgħira, għaliex dak li jinħela ma jista’ qatt jerġa’ jinġieb lura. Din l-inizjattiva bl-isem “Żomm Tarmix”, għandha l-għan li ġġib flimkien negozji li jagħtu donazzjoni tal-ikel li jkunu waslu qrib id-data tal-iskadenza u dan jingħata lill-għaqdiet volontarji biex iqassmuh lil dawk fil-bżonn. In-negozjanti li jagħmlu dan se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal inċentivi fit-tnaqqis tat-taxxa. Dan bħala inkoraġġiment u apprezzament ta’ dak li jkunu qegħdin jagħmlu ma’ persuni fil-bżonn.
Din l-inizjattiva ngħatat importanza kbira mill-Gvern tant li l-Prim Ministru tkellem dwarha f’konferenza tal-aħbarijiet. Huwa kien fisser l-inizjattiva bħala waħda importanti kontra l-ħela tal-ikel u li hi proġett ieħor imsejjes fuq żewġ prinċipji ewlenin fosthom is-sostenibilità billi jkun assigurat l-aqwa użu tar-riżorsi b’enfasi favur l-ambjent.
Għalkemm l-inflazzjoni f’pajjiżna għadha realtà u l-Gvern għadu kommess li jindirizzaha, b’din l-inizjattiva ħafna mill-familji fil-bżonn mhux se jkunu milqutin mill-għoli tal-prezzijiet billi l-prodotti li se jkunu disponibbli b’din l-inizjattiva se jkunu bi prezz orħos.
Huwa xjentifikament ippruvat illi l-kwalità tal-ikel torbot sew mas-saħħa fiżika, li magħdudin flimkien l-ikel u l-attività fiżika jikkontribwixxu għal saħħa aħjar għall-poplu mill-aspetti kollha nkluż dak mentali.
Għalhekk issa l-pass li jmiss huwa dak li enfasizza l-Prim Ministru bil-għan li titwessa’ aktar id-diskussjoni fuq l-importanza ta’ ikel tajjeb għas-saħħa. Dan għaliex meta wieħed jitgħallem minn età ċkejkna dwar il-valur li jiekol ikel tajjeb ikun għamel pedamenti sodi biex jibqa’ għaddej biha tul ħajtu kollha.
Quddiem dan kollu, nemmnu li l-familji għandhom ikunu mħeġġa li jikkonsmaw jew jixtru dak li huwa meħtieġ sabiex b’hekk mhux biss inaqqsu l-ħela imma wkoll jiffrankaw il-flus.