Sunday, December 22, 2024

“Il-ħidma tagħna ma tieqafx hawnhekk”- Il-Kummissarju Samantha Pace Gasan wara s-16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika b’ħarsa għall-futur

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-pjaga tal-vjolenza domestika tista’ tiġi miġġielda b’għarfien, servizzi u għajnuna lill-vittmi u lill-agressuri, kif ukoll tisħiħ ta’ miżuri leġislattivi mmirati apposta. F’Malta saret il-kampanja ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika bit-tema “Nieqfu Flimkien, Flimkien Infiequ”.

F’dawn il-ġranet, li kienu bejn il-25 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru, ittellgħu diversi attivitajiet fil-komunità magħrufa bħala r-roadshows. Din il-kampanja kisbet suċċess iżda issa li ġiet fi tmiemha, il-ħidma tkompli. Dan għax il-vjolenza domestika u dik abbażi l-ġeneru m’għandhomx ġranet fissi. 

Dan ġie kkonfermat mill-Kummissarju ta’ Kontra l-Vjolenza Abbażi l-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Samantha Pace Gasan, f’kumment lil tat dan il-ġurnal fejn saħqet li, “filwaqt li għamilna s-16-il Jum ta’ Attiviżmu, il-ħidma tagħna ma tieqafx hawnhekk”. 

Tajjeb li nikkwotaw statistika uffiċjali tal-NSO fejn jirriżulta li fl-2023, ftit aktar minn tliet kwarti tal-persuni li kienu qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi taʼ għajnuna rigward il-vjolenza domestika kienu nisa (75.4%), filwaqt li 24.6 fil-mija kienu rġiel. Dan juri l-importanza ta’ kampanji ta’ għarfien u ħidma kontinwa biex nilħqu lil dawn il-persuni f’mumenti tant kritiċi.

Nipproteġu lilna nfusna u lil dawk qrib tagħna

Il-Kummissarju Pace Gasan qalet li min-naħa tagħhom iridu jkomplu jwasslu l-messaġġ u jilħqu gruppi soċjali differenti biex l-għarfien dwar il-forom differenti tal-abbuż u s-sinjali biex nipproteġu lilna nfusna u lil dawk qrib tagħna, jibqgħu jsostnu fuqhom.

Hija qasmet magħna l-pjanijiet tal-futur, bil-Kummissjoni se tkun qiegħda tkompli tara l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika (2023 – 2028). 

“B’mod partikolari fis-sena li ġejja qegħdin naraw li nkomplu nsaħħu l-kollaborazzjonijiet f’pajjiżna u barra minn xtutna filwaqt li nibqgħu ninvestu fir-riċerka u l-evalwazzjoni tal-impenn li diġà sar. Inizjattivi ferm importanti f’dan is-settur jinkludu l-electronic tagging, il-panic alarms u t-taħriġ tal-professjonisti,” temmet il-Kummissarju Pace Gasan.

X’inhi l-vjolenza domestika? 

Il-Liġi ta’ Malta (Kapitlu 581) tiddefinixxi l-vjolenza domestika hekk: Kull att jew ommissjoni li tinvolvi l-użu ta’ vjolenza verbali, fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika li tirriżulta fi ħsara jew tbatija fiżika u/jew morali, inkluż it-theddid ta’ dak l-att jew ommissjoni, sfurzar jew iċċaħda arbitrarja tal-libertà, li sseħħ fi ħdan familja jew unità domestika, kemm jekk l-awtur tar-reat jgħix jew kien jgħix fl-istess residenza mal-vittma jew le u għandha tinkludi wkoll tfal li jkunu xhud ta’ vjolenza fi ħdan il-familja jew unità domestika. 

Min jista’ jkun vittma ta’ vjolenza domestika?

• Miżżewġin jew eks-miżżewġin, sħab permezz ta’ unjoni ċivili jew koabitanti; 

• Persuni li jgħixu fl-istess dar jew li għexu fl-istess dar għal mill-inqas tliet snin qabel ma ġara l-każ; 

• Persuni li ż-żwieġ tagħhom ġie xolt jew dikjarat null; 

• Axxendenti jew dixxendenti; 

• Adulti oħra li jgħixu fl-istess dar; 

• Persuni li huma f’relazzjoni informali li qegħdin joħorġu jew li kienu joħorġu flimkien; 

• Persuni li kienu jew huma għarajjes bi preparazzjoni għaż-żwieġ jew għall-unjoni ċivili; 

• Persuni li jiġu minn xulxin b’mod bijoloġiku jew huma qraba sat-tielet grad ta’ qrubija; 

• Persuni li għandhom jew se jkollhom it-tfal flimkien.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport