Wednesday, December 25, 2024

IL-ĦIDMA TAL-PULIZIJA FIS-SOĊJETÀ

Aqra wkoll

Ħidmet il-Pulizija hija waħda vasta u li tirrikjedi ħafna impenn u dedikazzjoni. Dan minbarra r-riskji li jaffaċċjaw f’ċirkostanzi diversi waqt il-ħidma tagħhom. Huwa għalhekk importanti li dawn l-uffiċjali jkunu mħarrġa b’tali mod u manjiera li jkunu jistgħu jaffrontaw kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tinqala’.

Ħafna drabi dawn jiġu kkritikati minn bosta speċjalment fuq il-midja soċjali li mhux qed jagħmlu xogħolhom imma fil-verità dawn ikunu qed jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent kif jagħmel ċertu kritika minħabba li fis-siegħa tal-prova huma jkunu fuq quddiem iħabbtu wiċċhom ma’ każi diversi.

Nemmnu li l-Pulizija qed jingħataw taħriġ kontinwu sabiex ikunu f’pożizzjoni li jilqgħu għal tali ċirkostanzi. Iżda f’każ bħal dak tal-bieraħ f’San Ġiljan, il-Pulizija kellhom jaġixxu kif aġixxew minħabba li ħajjithom kienet f’periklu ċar. Allegatament huma kienu kostretti li jisparaw fuq persuna wara li dan ippunta arma fid-direzzjoni tagħhom u ta s-salt għal fuq wieħed mill-uffiċjali. Dan minkejja, li għal bosta sigħat, huma pprovaw jipperswaduh sabiex iċedi l-arma.

Irridu għalhekk ngħidu li dan l-episodju ċertament se jħalli effett fuq dawn l-uffiċjali wara dak kollu li raw quddiem għajnejhom fis-satra tal-lejl. Wieħed ma jridx jinsa ċ-ċirkostanzi diffiċli li għexu f’dak il-mument u għalhekk irid ikun assigurat li huma wkoll jingħataw kull assistenza meħtieġa.

Ninnutaw li l-Kummissarju tal-Pulizija nnifsu qal li diġa’ qegħdin f’kuntatt mal-ufiċjali li b’xi mod kienu involuti f’dan il-każ trawmatiku u se jiġi pprovdut lilhom is-servizzi minn nies professjonisti. Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri filwaqt li rringrazzja lill-Pulizija tal-ħidma illi wettqu, ikkonferma li se jiġi assigurat li huma wkoll jingħataw kull assistenza.

Dan kollu jorbot mal-irwol tal-Pulizija li tassigura li tinżamm l-ordni u biex tkompli tissaħħaħ s-sigurtà fil-pajjiż. Għalhekk, wara li għedna dan kollu, nemmnu li kull membru tal-korp għandu jingħata kull tifħir u inkoraġġiment għall-ħidma tiegħu għax b’hekk biss il-poplu jkollu moħħu mistrieħ li s-sigurtà tiegħu qed tkun imħarsa lejl u nhar.

Ekonomija

Sport