Saturday, May 18, 2024

IL-ĦILIET TAL-ĦADDIEMA FL-EKONOMIJA TAL-LUM U TAL-FUTUR

Aqra wkoll

L-andament fuq il-postijiet tax-xogħol fl-aħħar xhur u snin għamlu passi sinjifikanti ‘l quddiem u wasalna f’punt fejn il-ħaddiema jridu jadattaw mal-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol. Dan il-progress qed nesperjenzawh mhux biss fil-mod ta’ kif naħdmu imma wkoll tal-prattiċi li jintużaw fuq il-postijiet tax-xogħol.

Illum spiċċa dak iż-żmien fejn ħaddiem kien jidħol f’impjieg u jibqa għomru, sal-eta’ tal-pensjoni fl-istess impjieg. Għalhekk, il-ħtieġa ta’ taħriġ fil-ħiliet u anki f’ħiliet ġodda tal-impjegati hi kruċjali biex il-ħaddiem Malti jkun jista jilqa’ għal dawn il-bidliet u jlaħħaq mal-progress li qed isir.

L-intelliġenza artifiċjali, anki jekk kemmxejn perikoluża u dubjuża, għandha rwol importanti f’dan kollu. Dan joħroġ mill-fatt li l-intelligenza artifiċjali, jekk użata tajjeb, tista’ tkun ta’ opportunita biex in-natura tax-xogħol, u l-mod kif jinħadem isir iktar faċiltat.

Nemmnu li f’kull ħaġa, il-bidla saret parti minn ħajjitna u li ħadd mhu se jwaqqaf il-progress. L-agħar huwa jekk il-progress inħalluh jinbidel f’rigress. Għalhekk il-ħtieġa li s-sistema edukattiva tadatta ruħha biex tibqa’ għaddejja tul il-ħajja, irrispettivament mill-età tal-individwu. Il-ħtieġa li nibqgħu nitgħallmu hi fundamentali f’dan kollu u l-benefiċċji li jħalli huma kbar tant li jwassal ukoll għall-progress fil-karrieri.

Proprju din il-ġimgħa stess, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistiku ħareġ rapport preliminari li jikkonċerna l-ħiliet tal-ħaddiema. L-aktar kategoriji komuni ta’ ħiliet, jiġifieri dawk il-kategoriji fejn minn tal-inqas ħila waħda kienet magħżula mill-popolazzjoni mistħarrġa, kienu l-computing, il-komunikazzjoni u l-kollaborazzjoni u l-għoti tal-assistenza u l-kura.

Mill-istess stħarriġ irriżulta li l-ħiliet fl-industrija tal-kostruzzjoni u oħrajn relatati nstabu l-aktar fost l-irġiel li huma akbar fiż-żmien. Il-ħiliet fil-biedja, is-sajd u oħrajn relatati kienu aktar komuni f’Għawdex, bil-proporzjon ta’ dawk li semmew mill-inqas ħila waħda jkun akbar minn dak għall-popolazzjoni kollha. Fl-istess waqt, aktar minn tliet kwarti tal-popolazzjoni mistħarrġa rrappurtaw li għandhom ħiliet bażiċi tal-kompjuter.

Dan juri li kien hemm qabża fl-għażliet għax-xogħol li llum qed jagħmlu n-nies fejn il-karrieri aktar qed ikunu kkonċentrati fuq it-teknoloġija. Fil-fehma tagħna dan iċ-ċaqlieq jawgura tajjeb biex iktar Maltin jidħlu għal impjiegi ġodda u b’hekk tonqos id-dipendenza fuq ħaddiema barranin f’ċertu setturi li jirrekjedu ħiliet avvanzati.

Barra minn hekk, f’aspetti oħra tad-dinja tax-xogħol, nemmnu li rridu nkomplu nagħfsu aktar fuq it-tagħlim tal-ilsna, li jservuna ta’ mezz ta’ komunikazzjoni li tant għandna bżonn biex inkomplu nattiraw investiment barrani ġdid.
Quddiem dan kollu, il-ħiliet tal-ħaddiema jeħtieġ li jkomplu jitjiebu u jissaħħu aktar. Biex dan iseħħ irid ikun hemm l-impenn u r-rieda li dak li jkun ikompli jitgħallem u javvanza aktar ‘il quddiem fil-karriera tiegħu. Huwa b’dan il-mod li nistgħu nilqgħu għall-isfidi kollha li qed niffaċċjaw fid-dinja tax-xogħol.

Sport