Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-hockey?
Bdejt nilgħab il-hockey fl-età ta’ tliet snin, peressli ħija diġà kien jilgħab ma’ Qormi Hockey Club. Il-ġenituri tiegħi ħasbu li jkun tajjeb li niskopri dan l-isport uniku, u minnufih sirt dipendenti fuqu. Kont nixtieq nitgħallem il-ħiliet bażiċi kollha u ntejjeb il-logħba tiegħi kontinwament.
X’unuri u rebħiet importanti ksibt fil-karriera tiegħek, kemm individwalment kif ukoll mat-tim?
S’issa, irbaħt diversi unuri mal-klabb, iżda l-aktar wieħed li jfisser għalija personalment huwa l-unur tal-aqwa plejer fis-Senior League, li kien l-akbar mira tiegħi fuq livell individwali. Mat-tim, irbaħna Challenge 3 fit-Turkija u f’Gibraltar, unur importanti ħafna għalina bħala klabb, għax juri l-impenn u x-xewqa tagħna biex nirnexxu f’dan l-isport.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Qormi HC.
Bħala klabb, bħalissa qed naħdmu biex nirbħu Challenge 2, peress li s-sena l-oħra wasalna sal-final imma tlifna. Kienet esperjenza importanti, iżda nafu li jekk naħdmu flimkien u nuru l-potenzjal tagħna kemm fuq kif ukoll barra mill-pitch, nistgħu niksbu dan l-unur.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ dan l-istaġun s’issa għat-tim tiegħek?
Dan l-istaġun diġà wera l-ġuħ u d-determinazzjoni tagħna biex nirbħu t-trofej kollha. L-assoċjazzjoni introduċiet il-kampjonat il-ġdid tal-Hockey 5s, li kien interessanti u eċċitanti. Għalkemm mhux il-plejers kollha kellhom esperjenza f’dan il-format, jien kelli xortija tajba li diġà kelli żewġ esperjenzi ma’ tournaments internazzjonali mal-iSquadra Nazzjonali. B’dan l-vantaġġ, konna kapaċi neżerċitaw il-kontroll fuq il-logħbiet u ddominajna l-kompetizzjoni.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-għanijiet tagħna għal dan l-istaġun huma ċari: li nirbħu kull kompetizzjoni li nipparteċipaw fiha u niżguraw li nirbħu mill-ġdid il-kampjonat tas-Senior League, wara li s-sena l-oħra tlifna xi logħbiet importanti fil-bidu u kien tard wisq biex nirkupru l-punti. Barra minn hekk, irridu nirritornaw fil-kompetizzjoni Ewropea tal-Diviżjoni 2 u nerbħu l-unur għal Malta, peress li nemmnu li għandna l-livell meħtieġ biex niksbu dan l-għan.
Fuq livell personali, nixtieq nagħti l-aħjar prestazzjoni tiegħi f’kull logħba u naqsam l-esperjenza tiegħi mal-plejers iżgħar, speċjalment peress li din is-sena ddeċidejt li nibda nkowċja lit-timijiet tal-Under 16 u Under 18. Dan huwa mod kif nirringrazzja lill-komunità li għenitni nikber bħala plejer.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Andre Ghio?
Andre Ghio kien u għadu parti kruċjali mill-iżvilupp tiegħi bħala plejer. Dejjem tani l-għajnuna meħtieġa fil-mumenti kruċjali u dejjem wera l-klassi u l-esperjenza tiegħu meta kienet l-aktar meħtieġa. Huwa mudell eċċellenti għall-hockey f’Malta u ħalla impatt kbir fuq il-kultura tal-isport fil-pajjiż.
Kif tqis il-livell tal-hockey f’pajjiżna fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Il-livell tal-hockey f’Malta esperjenza xi żbilanċi tul is-snin. Fl-aħħar snin, speċjalment fis-settur tal-juniors, kien hemm tnaqqis fil-plejers ġodda li jingħaqdu mal-klabbs lokali. Hemm bżonn aktar marketing u avvenimenti soċjali biex jattiraw talent ġdid u jħajru aktar nies jippruvaw dan l-isport. Minkejja dan, il-livell tal-plejers lokali żdied, u qed naraw aktar plejers determinati biex jiksbu suċċess barra minn Malta.
X’taħseb dwar ir-riżorsi li tużaw għall-ħinijiet tat-taħriġ u l-kompetizzjonijiet?
Bħalissa, ir-riżorsi għaddejjin minn fażi ta’ rinnovazzjoni, iżda l-grawnd ewlieni ilu ma jinbidel għal aktar minn 10 snin u qed jibda juri xi problemi li qed jaffettwaw is-sigurtà tal-plejers. F’xi żoni, il-pitch mhuwiex f’qagħda tajba u jista’ jikkawża inċidenti waqt il-logħob. Min-naħa l-oħra, l-assoċjazzjoni tejbet ħafna d-dwal tal-floodlights, li jippermettulna nħarrġu bis-serjetà filgħaxija u nilagħbu logħbiet kompetittivi anke s-Sibt filgħaxija.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-hockey? Għad narawk kowċ fil-futur?
Iva! Din is-sena ddeċidejt li nibda nikkowċja lit-timijiet iż-żgħar ta’ Under 16 u Under 18, u dan jagħtini sodisfazzjon kbir. Ħadt deċiżjoni li nieħu l-kwalifiki meħtieġa biex insir kowċ professjonali, għax irrid inpoġġi standard għoli fit-tekniki tat-taħriġ tiegħi u naqsam l-għarfien tiegħi mal-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Fir-rigward tal-karriera tiegħi bħala plejer, nixtieq inkompli nirbaħ kemm bħala individwu kif ukoll mat-tim, inkun parti minn iktar kisbiet għall-hockey Malti u nkompli ngħolli l-livell kemm fil-kampjonat lokali kif ukoll mat-tim nazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey.
Jekk trid tagħmel karriera ta’ suċċess fil-hockey, trid tħaddan id-dixxiplina, id-dedikazzjoni u l-passjoni għas-sport. Kun lest taħdem, titgħallem mill-iżbalji tiegħek u dejjem fittex li titjieb. Ħadd ma jsir plejer eċċellenti mil-lejl għan-nhar hemm bżonn sagrifiċċji u determinazzjoni. Ikkonċentra fuq il-ħiliet bażiċi, ittejjeb il-fiżika tiegħek u, l-aktar importanti, gawdi kull mument tal-vjaġġ tiegħek. Il-hockey mhux biss sport, imma wkoll familja u opportunità li tikber kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna.