Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta ta’ erba’ snin kont immur nara lil ħija li hu ikbar minni jilgħab. L-interess li urejt kien ċar, u minn hemm ommi u missieri ndunaw li ma kellhomx għażla oħra milli jeħduni nittrenja.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mosta FC.
Il-klabb tal-Mosta huwa għal qalbi ħafna. L-esperjenza tiegħi ma’ Mosta bdiet f’Jannar tal-istaġun li għadda meta mort b’self magħhom. Sfortunatament, fl-aħħar logħba sofrejt injury, li żammietni milli nkompli l-esperjenza tiegħi mal-klabb, peró meta reġgħet ġiet l-opportunitá li nerġa’ ningħaqad magħhom f’Jannar, ma kellix l-iċken dubju biex nirritorna ma’ dan il-klabb li wera fiduċja fija u tani l-opportunitá li niddebutta fil-Malta Premier.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?
It-tim issa huwa magħqud, u dik se tgħinna biex nilħqu t-tragward tagħna dan l-istaġun.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
It-tragwardi ta’ Mosta kienu ċari mill-bidu. Fl-ewwel fażi tal-kampjonat ġejna mal-ewwel sitta, u l-istess irridu nagħmlu fit-tieni fażi. Apparti l-kampjonat, qed naħdmu biex nibqgħu navvanzaw fil-Meridianbet FA Trophy wkoll.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Minn żgħir ilni nsegwi l-futbol Malti. Fil-preżent, il-futbol Malti huwa wieħed kompetittiv ħafna. Jekk tħares lejn il-klassifika tinduna li kulħadd qiegħed ġo xulxin, fejn b’rebħa tispiċċa ma ta’ fuq kif ukoll b’telfa tispiċċa ma’ ta’ taħt.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala grawnd u rizżrsi nista’ ngħid li Mosta għandna kollox.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Fil-futur ovvjament nixtieq li dejjem nibqa’ navvanza. Il-ħolm tieghi fil-futbol minn meta kont żgħir dejjem kien li nirbaħ l-unuri kif ukoll nilgħab mat-tim nazzjonali.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Bħala messaġġ nixtieq ngħid li dejjem trid temmen fik innifsek, taħdem u tistinka għal dak li tħobb. Fil-karriera ħa jkollok ħafna mumenti tajbin peró anke ħżiena. Huwa meta taffaċċja l-ostakli li trid iżżomm sod, u ma tħalli xejn iwaqqfek milli tagħmel dak li tħobb.