Minn Cristian Muscat
Għarb Rangers FC huma wieħed mill-klabbs li għal snin twal żammew post importanti fil-futbol Għawdxi, mhux biss bħala tim kompetittiv fil-Gozo Football League, iżda wkoll bħala pilastru soċjali fir-raħal żgħir ta’ Għarb.
Imwaqqfa fl-1968, il-klabb evolva minn inizjattiva lokali għal entità sportiva b’fondi ta’ tradizzjoni, identità u impenn lejn iż-żgħażagħ.
Illum, taħt it-tmexxija ta’ nies bħal Mark Causon, eks plejer u llum team manager, il-klabb qed jara fażi ġdida ta’ riorganizzazzjoni u ambizzjoni. Fażi li tgħaqqad esperjenza, sfidi u viżjoni ċara għall-futur.
Meta tkellimna ma’ Causon, l-ewwel ħaġa li enfasizza kienet ir-realtà ta’ klabb fit-tieni diviżjoni Għawdxija.
“Meta tkun tim tat-tieni diviżjoni trid tagħmel kollox,” qal b’ton realistiku iżda pożittiv. “Illum aħna sodisfatti b’dak li qed nibnu. Iffurmajna kumitat ġdid u ħadna f’idejna t-tmexxija tal-klabb b’mod aktar strutturat.”
Din il-bidla fil-ħsieb u fl-organizzazzjoni qed tkun kruċjali. Għarb Rangers mhux qed jiffokaw biss fuq ir-riżultati immedjati, iżda fuq proġett ta’ diversi snin.
“Qbilna li ma nagħmlux kollox f’daqqa. Għandna bżonn sentejn jew tlieta biex nibnu tim verament kompetittiv,” kompla jgħid Causon.
L-aħħar staġuni kienu prova ta’ dan il-proċess. Għarb Rangers waslu qrib ħafna ta’ suċċess storiku, inkluż kompetizzjoni għat-titlu u finali tat-Tazza.
“Kien staġun sabiħ ħafna, ferm isbaħ minn dak ta’ qabel. Ma konniex żewġ timijiet biss, imma kampjonat kompetittiv. Tlifna finali tat-tazza u spiċċajna punt biss lura fil-kampjonat,” spjega.
Minkejja d-diżappunt li ma rnexxilhomx jirbħu kollox, Causon jara dan bħala sinjal ta’ progress.
“Dak li ġara jagħtina sodisfazzjon kbir. Ifisser li qegħdin fit-triq it-tajba.”
Causon ma jitkellimx biss bħala manager, iżda wkoll bħala xi ħadd li libes il-flokk ta’ Għarb Rangers bħala plejer.
“Kont plejer ta’ Għarb Rangers. Niftakar il-ground tas-Silver Jubilee, żrar, żminijiet oħra,” jgħid b’nostalġija. “Konna litteralment inxerrdu għaraq u anke demm, speċjalment meta konna naqgħu xi waqgħa tajba.”
Jirrakkonta wkoll esperjenzi kurjużi li llum jidhru bħala stejjer umoristiċi iżda li kienu parti mill-vjaġġ tiegħu.
“L-ewwel logħba tiegħi kienet kontra tim mill-Kottonera. Lgħabna fil-ground tal-Furjana, bil-linji tas-siment. Kont fuq l-attakk u tlajt niġri u ma ndunajtx tant li xkanajt tul wiċċi! Illum tidħak, imma dak kien il-futbol ta’ dak iż-żmien.”
Dawn l-esperjenzi, jgħid hu, iffurmaw il-personalità tiegħu fil-futbol.
Causon jitkellem ukoll dwar kwistjoni li tolqot il-futbol Għawdxi u Malti: ir-regoli dwar il-plejers u l-parteċipazzjoni tagħhom.
“Hemm bżonn li ċerti regolamenti jinbidlu. Plejers Maltin ma jistgħux jilagħbu fit-tieni diviżjoni ta’ Għawdex bħallikieku huma barranin. Dan ma jagħmilx ġid,” jgħid b’ċarezza.
Skontu, din is-sitwazzjoni qed taffettwa l-iżvilupp tal-futbol lokali.
“Hawn ħafna żgħażagħ li qed jitilgħu jilagħbu f’Malta u dan tajjeb, imma rridu ninkoraġġixxu wkoll il-futbol f’Għawdex. Inkella nispiċċaw bi ftit plejers disponibbli.”
Waħda mill-aktar affarijiet li jispikkaw dwar Għarb Rangers hija r-rabta qawwija mal-komunità lokali.
“Il-paġna fuq Facebook tagħna hija attiva ħafna. Nies mill-Għarb jattendu għal kull logħba. Il-komunità hija magħquda ħafna,” jgħid Causon b’kburija.
Fil-ġranet tal-logħob, il-vjaġġ tal-partitarji sar parti mir-ritwali.
“Jitilgħu vann jew tnejn ta’ partitarji, ġuvintur, tfajliet u anke t-tfal tan-nursery jiġu jsegwuna. Il-klabb sar parti integrali mir-raħal.”
Din l-identità komunitarja hija, skont hu, l-akbar saħħa tal-klabb.
F’dawn l-aħħar snin, il-klabb investa wkoll fil-futur permezz tal-akkademja u faċilitajiet aħjar.
“In-nursery hija fit-tieni sena tagħha u għandha futur sabiħ ħafna. Qed ninvestu fiż-żgħażagħ,” jgħid Causon.
Barra minn hekk, il-klabb illum għandu faċilitajiet li qabel ma kinux immaġinabbli.
“Għandna gym u anke pixxina għal rijabilitazzjoni u rilassament wara training jew logħba. Qed noffru ambjent komplut.”
Dan l-investiment mhux biss jgħin lill-plejers, iżda jsaħħaħ il-professjonalità tal-klabb.
Mistoqsi dwar il-futur u jekk Għarb Rangers jistgħux jaraw lilhom infushom fl-ewwel diviżjoni, Causon jibqa’ realistiku iżda ottimist.
“Mhux faċli l-ewwel diviżjoni. Imma jekk nibqgħu mexjin fuq il-pjan li bdejna, nemmen li fi żmien tliet snin nistgħu nirbħu t-tieni diviżjoni.”
Hu jkompli jgħid li x-xogħol mhux biss fuq it-tim tal-lum, iżda fuq il-bini ta’ struttura sħiħa.
“Qed nidentifikaw plejers ġodda, naraw fejn għandna nuqqasijiet u nirrangawhom. L-għan hu li nagħtu xi ħaġa lura lill-komunità.”
Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, Causon jenfasizza li Għarb Rangers mhumiex biss klabb tal-futbol.
“Il-klabb huwa unur kbir għar-raħal. Nies mill-Għarb jibqgħu jissapportjawna mhux biss fil-logħob, imma wkoll f’attivitajiet kulturali u soċjali.”
Għalih, is-suċċess veru mhux biss jidher fit-trofej, iżda fil-mod kif il-klabb jgħaqqad in-nies.
“Il-ħolma tagħna hi li wara ħafna snin, nagħtu lir-raħal ta’ Għarb tim li jkun tassew kompetittiv fit-Tieni Diviżjoni u lil hinn. U dak il-vjaġġ diġà beda.”


