Minn Cristian Muscat
Wara staġun memorabbli fil-futbol Għawdxi, Kerċem Ajax FC kitbu paġna oħra importanti fl-istorja tagħhom billi rebħu kemm il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni kif ukoll il-GFA Knock Out tal-Ewwel Diviżjoni. Għal Andrew Mizzi, plejer f’nofs il-grawnd u wieħed mill-veterani tat-tim, dan l-istaġun kien il-qofol ta’ xogħol li ilu jinbena għal snin sħaħ.
“Staġun sodisfaċenti ħafna,” jgħid Mizzi b’sens ta’ kburija evidenti f’intervista li ta lil dan is-sit. “Mhux din is-sena biss ħdimna għalih. Dan huwa riżultat ta’ proċess li ilu għaddej, speċjalment wara r-relegazzjoni li kellna sentejn ilu.”
Kerċem Ajax għaddew minn trasformazzjoni kbira. Wara li kienu relegati, il-klabb iddeċieda li jibni mill-ġdid b’approċċ aktar strutturat u professjonali.
“Meta ġejna relegati għat-tieni diviżjoni bdejna naħsbu mill-ġdid. Bdejna nagħmlu l-affarijiet b’mod aktar professjonali, mhux biss bħala klabb tradizzjonali imma bħala tim kompetittiv,” jispjega Mizzi.
Din il-bidla ħalliet riżultati ċari. It-tim mhux biss rebaħ il-kampjonat tat-tieni diviżjoni, iżda għamel dan b’mod dominanti, u reġa’ tela’ fl-ogħla livell tal-futbol Għawdxi.
“L-objettiv ma kienx neċessarjament li nirbħu mill-ewwel sena. L-għan kien li nibnu tim li jikkompeti. Imma ladarba bdejna nirbħu l-logħob, ħassejna li nistgħu naslu.”
Il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni kien kompetittiv, iżda Kerċem wrew konsistenza impressjonanti. Mizzi jenfasizza kemm il-preparazzjoni u l-unità kienu kruċjali.
“Kien hemm sfidi, ovvjament. Timijiet bħax-Xewkija Tigers, Għajnsielem u Qala Saints kif ukoll oħrajn tawna sfida sal-aħħar. Imma konna magħqudin bħala grupp u dak għamel id-differenza.”
Il-kowċ Danijel Bogdanović kellu rwol importanti f’din il-bidla. Eks plejer internazzjonali, l-esperjenza tiegħu kienet kruċjali biex it-tim jimmatura.
“Il-kowċ tana ħafna. Mhux biss tattika, imma mentalità. Kellu esperjenza internazzjonali u għaraf kif iwassal il-messaġġ tiegħu b’mod ċar. Hu wieħed mill-persuni li verament jistħoqqlu tifħir kbir.”
L-istaġun spiċċa b’mod perfett: ir-rebħa tal-kampjonat kif ukoll anke tal-kompetizzjoni Knock-Out.
Il-finali tan-Knock Out kontra SK Victoria Wanderers kienet logħba mimlija drama, fejn Kerċem rebħu 3–1. Wara li marru fil-vantaġġ kmieni, il-logħba fetħet u l-avversarji saħansitra ġabu l-iskor indaqs, qabel ma Kerċem għafsu fl-aħħar minuti biex jissiġillaw ir-rebħa.
“Dik il-finali wera l-karattru tagħna. Anke meta sofrena gowl, ma qgħadniex lura. Komplejna nemmnu u ġejna ppremjati,” jgħid Mizzi.
Għall-klabb, dan kien ukoll mument storiku: l-ewwel darba f’għexieren ta’ snin li rebħu kampjonat u żewġ trofej fl-istess perjodu.
“Din hija storja kbira għal Kerċem Ajax Football Club. Ilu 40 sena li rbaħna kampjonat tal-ogħla diviżjoni. Illum qed nerġgħu niktbu l-istorja.”
Għal Andrew Mizzi, dan is-suċċess għandu valur speċjali ħafna. Mhux biss bħala plejer, iżda bħala persuna minn Kerċem stess.
“Jien minn Kerċem. Li tilgħab għal klabb tar-raħal tiegħek hija xi ħaġa unika. Mhux kulħadd għandu din l-opportunità,” jgħid b’kburija.
Huwa jħares ukoll lejn il-konnessjoni bejn il-klabb u l-komunità bħala parti essenzjali mis-suċċess.
“Il-festa tar-raħal, il-partitarji, il-familji huma kollha huma parti mill-klabb. Meta tirbaħ, tkun qed tirbaħ magħhom.”
Kerċem huwa raħal żgħir, iżda bi spirtu qawwi ta’ komunità. Mizzi jenfasizza kemm is-sapport tan-nies kien kruċjali matul l-istaġun.
“Għandna popolazzjoni żgħira, imma l-impenn huwa kbir. Kull logħba jkollna nies warajna, u dan jagħtik spinta kbira.”
Huwa jirringrazzja wkoll lill-kumitat u lill-partitarji.
“Nixtieq nirringrazzja lil kulħadd. Mingħajr is-sapport tagħhom, dan kollu ma jkunx possibbli. Il-futbol huwa sport tat-tim u tal-komunità.”
Mistoqsi dwar x’jista’ jiġi wara dan is-suċċess, Mizzi jibqa’ realistiku iżda ottimist.
“Issa rridu nibqgħu naħdmu. L-Ewwel Diviżjoni mhix faċli. Hemm livell għoli u rridu nkunu lesti għalih.”
Il-mira mhix biss li jibqgħu kompetittivi, iżda li jkomplu jibnu fuq dak li diġà nkiseb.
Kerċem Ajax ukoll qed iħarsu lejn il-futur b’fiduċja kbira, speċjalment bil-mod kif qed jiġi żviluppat il-proġett tal-klabb fuq diversi livelli. Il-bażi tat-tim mhix biss magħmula minn plejers ta’ esperjenza, iżda wkoll minn taħlita sabiħa ta’ talent żagħżugħ li qed jingħata opportunità reali li jikber fil-futbol Għawdxi. Dan il-bilanċ bejn esperjenza u żgħażagħ qed jitqies bħala wieħed mill-aktar fatturi importanti tas-suċċess reċenti.
Il-klabb investa wkoll fil-mentalità tal-plejers, fejn mhux biss ir-riżultat jgħodd, iżda wkoll l-metodu professjonali lejn kull sessjoni ta’ taħriġ u kull partita. Dan qed joħloq kultura ġdida f’Kerċem Ajax fejn kull plejer iħossu responsabbli u parti minn proġett ikbar.
Barra minn hekk, is-sapport kontinwu mill-komunità qed jgħin lill-klabb iżomm motivazzjoni għolja. Il-preżenza tal-partitarji, anke f’logħbiet diffiċli, tagħti enerġija addizzjonali lit-tim. Il-klabb qed jara wkoll żieda fl-interess taż-żgħażagħ fir-raħal li jixtiequ jingħaqdu man-nursery, li juri li l-futur tal-futbol f’Kerċem huwa promettenti ħafna.
“Il-klabb mexa ’l quddiem ħafna. Issa rridu nżommu din il-momentum u nkomplu ntejbu.”
Għalkemm Mizzi jitkellem b’umiltà, huwa ċar li dan l-istaġun se jibqa’ wieħed speċjali għalih.
“Huwa unur kbir li nkun parti minn dan it-tim u minn dan il-klabb. Li tirbaħ trofej mar-raħal tiegħek jagħtik sentiment diffiċli biex tispjegah.”
Hu jagħlaq b’messaġġ sempliċi iżda sinjifikanti għan-nies ta’ Kerċem:
“Grazzi minn qalbi. Dan is-suċċess huwa tagħkom daqs kemm hu tagħna. Mingħajrkom dan kollu ma kienx ikun possibbli.”


