Saturday, December 21, 2024

“Il-ħolma tiegħi li din il-baton tittrażmetti messaġġi qawwi favur l-inklużjoni”

Aqra wkoll

F’Malta, bħalissa qiegħda ddur il-Queen’s Baton, simbolu tal-Logħob tal-Commonwealth li mistennija jsiru fl-2022. 

Ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli ltaqgħet mad-delegazzjoni li wasslu din il-Baton f’Malta, proprju fid-Dar tal-Providenza. Dan il-post intgħażel apposta biex iservi ta’ simbolu li jwassal messaġġ qawwi favur l-inklużjoni. 

Fil-fatt, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li tinsab tassew onorata li pajjiżna kellu ċ-ċans li jilqa’ l-Queen’s Baton. Spjegat kif dan is-simbolu jirrappreżenta l-valuri li jgħaqqdu flimkien lin-nazzjonijiet kollha tal-Commonwealth, filwaqt li qalet li l-ħolma tagħha hi li dan is-simbolu jittrażmetti messaġġ qawwi favur l-inklużjoni, filwaqt li jegħleb l-ostakli u joffri pjattaforma ugwali għan-nisa u l-irġiel.   

Il-Ministru spjegat li l-post fejn illum tinsab id-Dar tal-Providenza, qabel kien magħruf bħala l-Qrendi Royal Navy Rest Camp. Saħqet li llum dan hu ċentru li joffri tant imħabba u jilqa’ nies li għandhom abbiltajiet differenti. 

Il-Queen’s Baton bdiet il-vjaġġ tagħha nhar il-Ħamis, 7 ta’ Ottubru meta ġiet imnedija mir-Reġina Eliżabetta II u l-għada telqet mill-aruport ta’ Birmingham. Wara li marret f’Ċipru, imbagħad kien imiss li tiġi f’pajjiżna. Dan il-vjaġġ mistenni jieħu 294 ġurnata, fejn il-baton mistennija ddur 72 pajjiż tal-Commonwealth. Ikun f’Lulju tal-2022 li din il-baton tasal lura l-Ingilterra. 

Hu interessanti li din il-baton iġġorr il-messaġġ li tkun poġġiet fiha r-Reġina. Filwaqt li din il-baton iġġib il-forma tradizzjonali ta’ torċa li tissimbolizza l-logħob olimpiċi, fl-istess waqt tinkludi elementi teknoloġiċi, fosthom kamera li tiġbed filmati bi 360 grad; komponenti LED u anke komponenti bħal sensuri li jkejlu l-ambjent tal-madwar. 

Ekonomija

Sport