Bħala parti mill-ħidma tiegħu biex jippromwovi d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u s-soċjetà, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Carmelo Abela, għamel żjara uffiċjali f’Għawdex. L-għan taż-żjara kien li jsir skambju ta’ fehmiet ma’ setturi differenti tal-komunità Għawdxija dwar temi ta’ interess soċjali u demokratiku.
Waqt żjara ta’ korteżija lill-eks Speaker Anton Tabone, li serva f’din il-kariga bejn l-1998 u l-2008, ġew diskussi l-esperjenzi, ir-responsabbiltajiet u l-isfidi marbuta mal-kariga ta’ Speaker tal-Kamra tad-Deputati, bħala t-tielet l-ogħla kariga fil-pajjiż.
L-Ispeaker Carmelo Abela u Anton Tabone qasmu bejniethom riflessjonijiet dwar it-tmexxija tal-Kamra u l-evoluzzjoni tal-ħidma parlamentari matul is-snin. L-Ispeaker Abela rringrazzja lil Anton Tabone għas-servizz tiegħu fil-Parlament Malti, filwaqt li l-eks Speaker awguralu kull suċċess fil-qadi ta’ dmirijietu.
Fil-Kurja ta’ Għawdex, l-Ispeaker ġie milqugħ mill-Isqof ta’ Għawdex, Mons. Anton Teuma, u ltaqa’ mal-ħaddiema li jagħtu s-servizz tagħhom fil-Kurja. Matul il-laqgħa ġew diskussi r-realtajiet soċjali ta’ Għawdex, l-isfidi marbuta mal-familji u ż-żgħażagħ, kif ukoll l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet għall-ġid komuni.
L-Ispeaker iltaqa’ wkoll ma’ rappreżentanti tal-Gozo University Group, il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ Għawdex u Aġenzija Żgħażagħ. Id-diskussjoni ffukat fuq għadd ta’ realtajiet meqjusa importanti miż-żgħażagħ, fosthom l-impjiegi u l-karriera, il-volontarjat, l-interess fil-politika, l-ambjent u l-akkomodazzjoni. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li l-skemi eżistenti li jibbenefikaw minnhom iż-żgħażagħ ikunu aktar magħrufa u aċċessibbli.
L-Ispeaker Abela faħħar l-impenn, il-ħiliet, u t-talenti taż-żgħażagħ f’oqsma differenti u ħeġġiġhom ikomplu jiżviluppawhom u jużawhom għall-ġid ta’ ħaddieħor u tal-komunità. Filwaqt li ddeskriviehom bħala l-preżent u l-futur tas-soċjetà, huwa rringrazzja lill-entitajiet għall-ħidma tagħhom u tenna d-disponibbiltà tiegħu, bħala Speaker, li jkompli jisma’ liż-żgħażagħ u jappoġġja inizjattivi li jqarrbuhom lejn il-Parlament u l-ħajja demokratika.
Fi tmiem iż-żjara, l-Ispeaker żar il-Fondazzjoni OASI, fejn ġie milqugħ mill-Kap Eżekuttiv, Noel Xerri. Matul il-laqgħa ġew diskussi l-ħidma tal-Fondazzjoni fil-prevenzjoni u t-trattament tal-vizzji, kif ukoll l-appoġġ li toffri lill-persuni milquta u lill-familji tagħhom. L-Ispeaker irringrazzja lill-ħaddiema u lill-voluntiera għall-kontribut siewi tagħhom lis-soċjetà.
L-Ispeaker esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-Fondazzjoni u tenna d-disponibbiltà tiegħu li, fil-qadi ta’ dmirijietu, ikompli jqajjem kuxjenza dwar dawn ir-realtajiet u jagħti għarfien lill-kontribut siewi ta’ entitajiet bħall-OASI fis-soċjetà.
