Special Olympics Malta mmarkat pass sinifikanti ieħor fil-vjaġġ lejn l-Ispecial Olympics European Swimming Open Malta 2026, bl-iffirmar ta’ ftehim ta’ sħubija bejn Special Olympics Malta u l-Ambaxxata tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’Malta.
F’Settembru li ġej, madwar 400 atleta minn 37 pajjiż differenti se jinġabru f’Malta għal din il-kompetizzjoni.
Dr Lydia Abela, President ta’ Special Olympics Malta, laqgħet lid-delegazzjoni Ċiniża u esprimiet l-apprezzament tagħha għat-tisħiħ kontinwu tar-relazzjonijiet bejn ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
“Aħna nemmnu bis-sħiħ li atleti b’diżabilità intellettwali jixirqilhom l-istess opportunitajiet u rikonoxximent bħal kull atleta ieħor. Malta tibqa’ impenjata li tappoġġja lill-membri kollha tas-soċjetà u tiżgura li l-ebda ostaklu ma jħalli lil ħadd lura. Flimkien, qed nibagħtu messaġġ qawwi lid-dinja: kull atleta għandu juri l-kapaċitajiet tiegħu u joħroġ bl-unuri,” stqarret Dr Abela.
Dr Abela rringrazzjat lill-Ambaxxatur għall-appoġġ tiegħu f’din is-sħubija u qalet li din il-kollaborazzjoni tista’ tkompli mhux biss fil-qasam sportiv, iżda wkoll fil-promozzjoni tas-saħħa u fl-edukazzjoni.
L-Ambaxxatur Zhang faħħar il-ħidma ta’ Special Olympics Malta, filwaqt li enfasizza li din il-kompetizzjoni tal-għawm se tkun eżempju ta’ inklużjoni fl-Ewropa u lil hinn minnha, u sservi bħala ċelebrazzjoni tal-valuri komuni li jgħaqqdu lill-popli dinjin. L-Ambaxxatur Zhang irrefera għall-erba’ Inizjattivi Globali li ressqet ’il quddiem iċ-Ċina, fl-impenn tagħha li tibni komunità b’futur ta’ għaqda. L-appoġġ komuni lejn Special Olympics jsaħħaħ is-solidarjetà u jwassal għal futur aktar inklużiv għal kulħadd.
L-Ispecial Olympics European Swimming Open 2026, li hu t-tieni avveniment ewlieni ta’ Special Olympics li se jsir f’Malta, se jerġa’ jpoġġi lil pajjiżna fuq il-palk internazzjonali u joffri lill-għawwiema b’diżabilità intellettwali l-opportunità li jikkompetu fl-ogħla livell internazzjonali.
Dan l-avveniment imur lil hinn mill-pixxina. Dan hekk kif se jkun hemm ukoll programmi relatati, fosthom l-iscreening tal-Healthy Athletes, li se jippromwovi s-saħħa, l-inklużjoni u l-benesseri, bil-parteċipazzjoni tal-atleti u l-familji tagħhom.
L-Ispecial Olympics European Swimming Open Malta 2026, bit-tema Beyond the Wave, se jsir bejn l-10 u l-14 ta’ Settembru 2026 fil-Kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur specialolympicsmalta.org/
