Monday, July 20, 2026
Home Uncategorized UEFA Conference League: Irridu nerġgħu niskopru l-identitá tagħna – Daniel Portela –...

UEFA Conference League: Irridu nerġgħu niskopru l-identitá tagħna – Daniel Portela – (kowċ ta’ Floriana)

0
3

Wara li spiċċat l-avventura tagħhom fil-UEFA Champions League, Floriana issa jdawru l-attenzjoni tagħhom lejn it-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League, fejn se jiltaqgħu kontra ċ-champions tal-Kosovo, FC Drita, f’konfront li għandu jkun wieħed bilanċjat u mimli intensità.

Proprju rigward dan lejlet din il-partita,  ġiet indirizzata konferenza stampa fis-sala tal-konferenzi, f’Ta’ Qali,  mill-kowċ Portugiż Daniel Portela u l-captain Dunstan Vella.

Beda biex tkellem il-kowċ Portela li mingħajr eżitazzjoni qal li t-tim tiegħu jrid jerġa’ jiskorpri l-identitá tiegħu. Dan wara t-telfa kbira ta’ 5-1 konra Shamrock Rovers f’Dublin matul il-ġimgħa li għaddiet. Madankollu, huwa jinsab fiduċjuz li għalkemm qed jistenna konfront diffiċli, Floriana jistgħu jiksbu riżultat pożittiv minn dan il-konfront fuq żewġ legs.

Huwa kompla jgħid li wara l-aħħar partita kontra Shamrock, it-tim immexxi minnu ħa ħafna lezzjonijiet li minnhom irid jitgħallem għal dan il-konfront. Portela tenna li qed jistenna partita ferm tattika, fejn il-players immexxija minnu għandhom ikunu ferm ippreparati.

Portela afferma li minkejja r-riżultat, se jkun qed ifittex li jibni fuq l-affarijiet tajbin li wera t-tim tiegħu matul iż-żewġ logħbiet Ewropej.

Mistoqsi jekk għandux l-iskwadra kollha għad-dipożizzjoni tiegħu, huwa wieġeb fl-affermattiv.

Intant, tkellem ukoll il-captain Dunstan Vella, li saħaq li għalkemm Floriana għadhom ġejjin minn telfa kbira kontra Shamrock, l-ambjent fid-dressing room tal-Greens  huwa wieħed ferm poiżttiv, li jawgura ferm tajjeb għal din il-partita. Bħall-kowċ Portela huwa qal li jridu jitgħallmu minn xi żbalji li setgħu wettqu fl-aħħar partita biex japprofittaw minnhom u joħorġu l-aħjar tagħhom f’din il-partita.

Iż-żewġ timijiet jinżlu għal din il-partita wara li sfaw eliminati mill-ewwel round tal-UEFA Champions League. Floriana tilfu 5-3 b’aggregate kontra Shamrock Rovers, filwaqt li Drita ġew eliminati b’aggregate ta’ 4-3 minn FK Kauno Zalgiris tal-Litwanja, u għalhekk issa t-tnejn se jippruvaw ikomplu l-mixja Ewropea tagħhom fil-Conference League.

Għall-Greens, il-konfront kontra Shamrock Rovers ħalla sens ta’ diżappunt minkejja wirja kbira li taw fis-Centenary Stadium fejn rebħu 2-0. Madankollu fil-partita fit-Tallaght Stadium, l-Irlandiżi fetħu l-iskor kmieni permezz ta’ Lee Grace, qabel Tomislav Gudelj ġab id-draw għal Floriana wara azzjoni sabiħa maħduma minn Mustapha Jah.

Minkejja dan, il-kwalità u l-esperjenza ta’ Shamrock Rovers ħarġu biċ-ċar hekk kif Dylan Watts, John McGovern, Graham Burke u Jack Byrne komplew żiedu l-vantaġġ biex issiġillaw rebħa ta’ 5-1 fit-tieni leg.

Il-wasliet il-ġodda ta’ Gaston Romano, Amar Drina, Tomislav Gudelj, Robert Murić, Kauan u Ange Curtis N’Dri żiedu aktar kwalità lill-iskwadra, filwaqt li l-klabb ikkonferma wkoll il-wasla tal-attakkant internazzjonali Malti Paul Mbong, li rritorna b’mod permanenti wara l-esperjenza tiegħu fis-Serbja ma’ FK Čukarički u s-self tiegħu ma’ Floriana fl-aħħar xhur tal-istaġun li għadda. Ir-ritorn ta’ Mbong huwa meqjus bħala spinta importanti għall-attakk tal-Greens, grazzi għall-esperjenza internazzjonali u l-veloċità tiegħu.

Min-naħa l-oħra, Drita huma wieħed mill-aktar klabbs stabbiliti fil-futbol Kosovar. Il-klabb minn Gjilan rebaħ il-Kosovo Superleague ħames darbiet u fl-aħħar snin bena reputazzjoni rispettabbli fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Fl-istaġun li għadda saħansitra rnexxielhom jaslu sal-league phase tal-UEFA Conference League, fejn kisbu riżultati pożittivi u komplew juru kemm il-futbol Kosovar qed ikompli javvanza.

Drita għandhom skwadra mimlija bi players esperjenza, immexxija mill-captain Rron Broja, filwaqt li fl-attakk jispikkaw Arb Manaj, Kristal Abazaj u Mike Arthur. It-tim Kosovan huwa magħruf għall-organizzazzjoni tattika tiegħu u għall-intensità kbira li juri tul id-disgħin minuta.

Għal Floriana, dan jista’ jkun wieħed mill-aktar testijiet diffiċli tas-sajf, iżda mhux impossibbli. Il-Greens għandhom biżżejjed kwalità biex ikunu kompetittivi, speċjalment jekk jirnexxielhom ikunu aktar solidi fid-difiża u jisfruttaw kull opportunità li tinħoloq quddiem il-lasta avversarja.

Kif indika Portela fil-konferenza stampa, il-partita mistennija tkun waħda tattika ħafna, biż-żewġ timijiet li jafu li kull żball jista’ jkun deċiżiv f’konfront Ewropew. Floriana se jkunu qed ifittxu li jieħdu riżultat pożittiv qabel il-logħba tar-ritorn, filwaqt li Drita se jippruvaw jisfruttaw l-esperjenza Ewropea li kisbu f’dawn l-aħħar snin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here