Wara kull nar li jaqbad, hemm pumpiera li jaħdmu f’sħana estrema u kundizzjonijiet impenjattivi. Dan kien il-messaġġ li twassal mill-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta permezz tal-mezzi soċjali.
Ġie spjegat li bħalissa pajjiżna qed jesperjenza temperaturi għoljin ħafna u għalhekk dan iżid b’mod sinifikanti r-riskju ta’ nirien fil-ħaxix u fil-kampanja. Fl-aħħar jiem, ic-CPD wieġbu għal diversi nirien ta’ barra, billi ħadmu bla heda biex jipproteġu l-ħajjiet, il-proprjetà u l-ambjent naturali ta’ pajjiżna
Kulħadd jista’ jgħin biex inaqqas ir-riskju billi jagħmel u jsegwi dawn li ġejjin:
- Wieħed ma’ għandu qatt jarmi l-fdalijiet li jibqa’ mis-sigarett barra mill-vettura jew mal-art.
- Wieħed ma’ għandu qatt iħalli fliexken tal-ħġieġ jew żibel ieħor fl-għelieqi jew f’żoni tal-kampanja.
- Is-sidien tal-art huma mħeġġa jneħħu l-ħaxix niexef b’mod sigur fejn possibbli.
- Wieħed ma’ għandu qatt iqabbad in-nar jew jaħraq xi skart fil-ġnien. Dan għaliex f’dawn il-kundizzjonijiet, anke nar żgħir jista’ jinfirex malajr mingħajr kontroll.
- Wieħed għandu dejjem jevita li jipparkja l-vetturi fuq ħaxix niexef.
- Kull persuna għandha tarmi l-iskat b’mod responsabbli
Jekk wieħed jara xi duħħan jew nar, għandu jċempel 112 immedjatament. Kull nar li jista’ jiġi evitat ipoġġi ħajjiet, proprjetà u l-ambjent f’riskju.
