Is-saħħa mentali m’għadhiex suġġett li għandu jibqa’ moħbi jew jitqies bħala tabù. Illum nafu li persuna minn kull erbgħa tista’ taffaċċja diffikultajiet ta’ saħħa mentali f’xi stadju ta’ ħajjitha. Għalhekk, ir-risposta tagħna bħala soċjetà trid tkun waħda mibnija fuq l-edukazzjoni, il-prevenzjoni, l-appoġġ tal-familja u servizzi li jkunu tassew qrib il-komunità.
Nemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija l-ewwel pass biex niġġieldu l-istigma għax iktar ma nitkellmu dwar is-saħħa mentali fl-iskejjel, fuq il-post tax-xogħol u fil-komunitajiet tagħna, aktar inkunu qed nibnu kultura fejn persuna ma tibżax titlob l-għajnuna. L-għarfien joħloq empatija, u l-empatija tkisser il-preġudizzju.
L-istess importanza għandha tingħata lill-familja billi hija ħafna drabi l-ewwel post ta’ appoġġ għal persuna li tkun għaddejja minn diffikultajiet emozzjonali jew psikoloġiċi. Meta l-familji jkunu infurmati u mgħammra bl-għarfien meħtieġ, jistgħu jagħrfu sinjali bikrija, joffru sostenn u jħeġġu lill-għeżież tagħhom ifittxu l-għajnuna professjonali qabel ma s-sitwazzjoni tmur għall-agħar.
Għalhekk, nilqa’ b’sodisfazzjon it-tweġiba li rċevejt mingħand id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Ian Borg għall-mistoqsija parlamentari li ressaqt dwar il-futur tas-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità. Ġie kkonfermat li beda l-proċess biex jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali ġodda tas-Saħħa Mentali, li se joffru kura multidixxiplinarja qrib il-komunitajiet tagħna. Għalhekk, dawn iċ-ċentri huma maħsuba biex isaħħu l-aċċessibilità, il-kontinwità u l-koordinazzjoni tas-servizzi, filwaqt li jnaqqsu d-dipendenza fuq il-kura istituzzjonalizzata.
Din hija direzzjoni li nemmen fiha. Meta s-servizzi jkunu viċin fejn jgħixu n-nies, ikun aktar faċli li wieħed ifittex l-għajnuna mingħajr biża’ jew mistħija. Persuna li tista’ tattendi appuntament fil-lokalità tagħha stess, f’ambjent modern u komunitarju, tkun qed tirċievi kura aktar umana u aktar kontinwa. Dan mhux biss itejjeb il-kwalità tal-kura, iżda jgħin ukoll biex titnaqqas l-istigma li għal snin twal kienet marbuta mas-servizzi tas-saħħa mentali.
Fl-istess tweġiba parlamentari ġie enfasizzat ukoll l-investiment fl-edukazzjoni permezz tal-programm Mental Health First Aid, li qed jiġi implimentat fl-iskejjel u estiż ukoll permezz tal-Kunsilli Lokali. Barra minn hekk, qed tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u dak tal-Edukazzjoni biex jiżdiedu programmi ta’ għarfien, intervent bikri u reżiljenza fit-tfal. Qed nitkellmu fuq inizjattivi li huma turija ċara li l-prevenzjoni għandha tkun prijorità nazzjonali.
Madankollu, il-bini ta’ ċentri ġodda waħdu mhux biżżejjed għax iridu nibqgħu ninvestu fil-professjonisti, fil-psikologi, fil-psikjatri, fl-infermiera speċjalizzati u fil-ħaddiema soċjali li kuljum jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħafna persuni. Fl-istess ħin irridu nkomplu nsaħħu l-kampanji ta’ edukazzjoni pubblika biex kulħadd jifhem li s-saħħa mentali hija parti mis-saħħa tagħna daqs dik fiżika.
Is-soċjetà għandha wkoll responsabilità kbira li minflok min ikun qed ibagħti jiġi ġġudikar, għandna nkunu lesti nisimgħu, nappoġġjaw u ninkoraġġixxu. Il-komunitajiet tagħna għandhom isiru spazji fejn kulħadd iħossu milqugħ u fejn it-talba għall-għajnuna titqies bħala sinjal ta’ kuraġġ, mhux ta’ dgħufija.
Nemmen li l-futur tas-saħħa mentali f’Malta għandu jkun mibni fuq tliet pilastri ċari; edukazzjoni kontinwa, familji b’saħħithom u servizzi moderni qrib il-komunità. Meta dawn jaħdmu flimkien, inkunu mhux biss qed nipprovdu kura aħjar, iżda wkoll qed nibnu pajjiż aktar inklużiv, aktar empatiku u aktar b’saħħtu għal kulħadd. Din hija l-bidla li rridu nkomplu naħdmu għaliha, biex is-saħħa mentali tkun tassew prijorità nazzjonali u l-għajnuna tkun dejjem viċin ta’ min għandu bżonnha.
