Il-funeral ta’ Nadab John se jsir mill-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta 

Aqra wkoll

Bi qbil mal-ġenituri se jkunu l-Patrijiet Franġiskani li se jaħsbu għall-funeral ta’ Nadab John, iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena li tilef ħajtu traġikament wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qiegħed jgħum fix-Xgħajra. 

F’messaġġ fuq il-mezzi soċjali, il-Patrijiet Franġiskani tal-Belt Valletta qalu li l-funeral se jsir nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Lulju fil-Knisja Ta’ Ġieżu il-Belt Valletta fid-9:00 a.m. 

Ingħad li Nadab John li miet traġikament, kien parti minn familja ta’ 5; il-ġenituri li għandom 43 sena, oħtu u ħuh, it-tnejn iżgħar minnu. Intqal ukoll li Nadab wasal Malta flimkien ma ħutu wara ħafna sagrifiċċji mill-ġenituri tiegħu 6 xhur ilu.

Waqt żjara li l-Ministru Provinċjal P. Ramon Farrugia OFM flimkien ma P. Arslan għamlu lill-familja ta’ Nadab John, huma irringrazzjaw lill-Patrijiet Franġiskani għax permezz ta’ P. Arslan, Nadab sab familja fil-Knisja Ta’ Ġieżu, kien ikollu ġenn biex imur għall-laqgħa tal-abbatini u biex jagħmel servizz.

Il-Patrijiet Franġiskani spjegaw kif missier u omm Nadab qalu li mill-vestizzjoni il-quddiem raw bidliet kbar fih, u rawħ ferħan kif qatt ma kien qabel. Ħassu li għandu min jisimgħu u min jara s-sabiħ fih. Missieru enfasiżża li minkejja din it-tbatija hu kuntent għax jemmen li permezz tal-vestizzjoni Alla preparah biex jiltaqa migħu.

Il-Patrijiet Franġiskani se jieħdu ħsieb il-Funeral b’fedelta lejn is-sejħa tagħhom ma dawn il-komunitajiet etniċi, li jakkumpanjawhom fil-fidi u li jkunu l-familja tagħkom fil-mument tal-bżonn.

Il-Patrijiet Franġiskani qed jistiednu lill kulħadd għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Nadab John. Il-liturġija se tkun bl-Urdu, il-lingwa tal-Komunita Pakistana, imma il-preżenza ta’ kulħadd tkun apprezzata biex nuru bil-konkret li aħna lkoll Aħwa fi Kristu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport