Kienet lejla li se tibqa’ mnaqqxa għal dejjem fil-memorja tagħha. Qed nitkellmu dwar Francesca Mercieca minn San Pawl il-Baħar li ftit tal-jiem ilu ġiet inkurunata bħala Miss Universe Malta 2026, kisba li issa se tagħtiha l-opportunità li tirrappreżenta lil Malta fil-75 edizzjoni ta’ Miss Universe, magħrufa bħala d-Diamond Anniversary Edition, li se ssir f’Novembru li ġej fi Puerto Rico.
Fl-ewwel kummenti esklussivi tagħha ma’ dan il-ġurnal, Francesca ma setgħetx taħbi l-emozzjoni tagħha wara li rat il-ħolma tagħha ssir realtà.
“Onestament għadni lanqas qed nemmen li ġara. Kien mument li ħlomt bih għal tant żmien u meta ssemma’ ismi ħassejt taħlita ta’ emozzjonijiet li diffiċli tispjegahom bil-kliem. Inħossni tassew imbierka u gratissima lejn kull min emmen fija u tani s-sapport tul din il-vjaġġ.”
Francesca qalet li l-appoġġ li rċeviet minn familtha, ħbiebha u dawk kollha li vvutaw u emmnu fil-potenzjal tagħha kien kruċjali biex tibqa’ temmen fil-kapaċitajiet tagħha.
“Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil kull persuna li kienet miegħi. Kull messaġġ, kull kelma ta’ kuraġġ u kull vot kienu jfissru ħafna għalija. Meta tkun fuq palk bħal dak tkun qed tirrappreżenta mhux biss lilek innifsek, iżda wkoll lil dawk kollha li emmnu fik.”
Il-mudella u speċjalista fil-kura tal-ġilda, li ilha timmudella sa minn meta kellha 14-il sena, qalet li l-esperjenza kollha tal-kompetizzjoni kienet waħda li bidlitha bħala persuna.
“Matul dawn ix-xhur tgħallimt ħafna. Iltqajt ma’ nisa straordinarji, bnejna ħbiberiji sbieħ u kull waħda minna għenet lill-oħra tikber. Din mhix biss kompetizzjoni tas-sbuħija, iżda esperjenza li tgħallmek dixxiplina, umiltà u kif temmen aktar fik innifsek.”
Meta mistoqsija kif ħasset ruħha fuq il-palk waqt il-finali, Francesca qalet li kienet qed tgawdi kull sekonda.
“Kull darba li tlajt fuq il-palk ħassejtni kburija li kont qed inġorr l-isem ta’ Malta. Dak il-mument, speċjalment meta kont liebsa l-libsa ispirata mill-baħar sabiħ ta’ pajjiżna, kien wieħed emozzjonanti immens. Ridt li kull persuna tara kemm inħobb lil Malta.”
Issa l-isfida li jmiss hija waħda ferm akbar hekk kif se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fuq wieħed mill-akbar palcosceni fid-dinja.
“Huwa unur kbir li se nkun qed inġorr il-bandiera Maltija quddiem tant pajjiżi. Naf li hemm ħafna xogħol quddiemi, iżda se nagħti kollox biex nagħmel ġieħ lil Malta. Irrid li pajjiżna jkun rappreżentat bl-aħjar mod possibbli.”
Francesca qalet li tittama wkoll li timxi fuq il-passi tas-suċċessi miksuba minn Julie, li kienet ta’ ispirazzjoni għaliha.
“Julie kienet inkredibbli u tassew għamlet isem sabiħ għal Malta. Nittama li nkun nista’ nimxi fuq il-passi tagħha u nagħmel prestazzjoni li tagħmel lill-Maltin kollha kburin bija.
Naf li mhux se jkun faċli, iżda se naħdem b’determinazzjoni kbira.”
Meta staqsejniha x’inhu s-sigriet tas-suċċess tagħha, Francesca ma ħasbithiex darbtejn.
“Is-sigriet hu wieħed sempliċi, emmen fik innifsek. Jekk inti ma temminx fik innifsek, ħaddieħor mhux se jagħmel dan għalik. Dejjem kont ngħid lili nnifsi ‘Nista’ nagħmilha’.
Dik il-frażi għenitni f’ħafna mumenti diffiċli.”
Hija tgħid li matul il-vjaġġ tagħha kien hemm ukoll sfidi, iżda qatt ma ħalliet il-biża’ jwaqqafha.
“Kull persuna tgħaddi minn mumenti fejn tiddubita lilha nnifisha. Imma dak hu l-mument fejn trid tkun aktar b’saħħtek. Jekk taqta’ qalbek, il-ħolma tieqaf hemm. Jekk tibqa’ timxi ‘l quddiem, qatt ma tkun taf fejn tista’ tasal.”
Francesca kellha wkoll messaġġ ċar għal kull tfajla jew żagħżugħa li għandhom ħolma kbira.
“Qatt tħallu lil ħadd jgħidilkom li ma tistgħux taslu. Oħolmu kbir, aħdmu bis-serjetà u qatt taqtgħu qalbkom. Il-ħolm isir realtà meta taħdem għalih kuljum. Kull pass, anke jekk jidher żgħir, iwasslek eqreb lejn il-mira.”
Hija żiedet li tħoss responsabbiltà kbira li tkun issa wiċċ Malta fuq livell internazzjonali.
“Meta nilbes dik li bl-Ingliż insejħulha sash ta’ Malta se nkun qed inġorr miegħi l-poplu kollu tagħna. Dik hija responsabbiltà sabiħa ħafna. Se nagħmel minn kollox biex inwassal l-aqwa verżjoni tiegħi u nuri lid-dinja x’joffri pajjiżna.”
Issa Francesca se tibda tħejji ruħha għall-avventura fi Puerto Rico, fejn se tiltaqa’ mar-rappreżentanti ta’ għadd kbir ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja.
Filwaqt li l-vjaġġ internazzjonali tagħha għadu kif se jibda, għal Francesca din ir-rebħa hija biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid.
“B’din il-kuruna qed nibda avventura ġdida. Naf li hemm ħafna xogħol quddiemi, imma ninsab lesta għal kull sfida. Se nibqa’ naħdem b’umiltà, b’dedikazzjoni u b’qalbi kollha biex nagħmel lill-Maltin kburin.”
B’kunfidenza, determinazzjoni u messaġġ qawwi ta’ perseveranza, Francesca Mercieca issa se tkun qed iġġorr it-tamiet ta’ Malta fil-75 edizzjoni ta’ Miss Universe, b’għan wieħed ċar, dik li tirrappreżenta lill-pajjiż bl-aħjar mod possibbli u turi lid-dinja l-potenzjal Malti.
