Meta t-tbissima taħbi l-uġigħ: Is-saħħa mentali tibda minn komunità li tagħżel li tisma’

- Jikteb Mario Fava

Aqra wkoll

“Kif inti?” Hija mistoqsija li nagħmluha kuljum. Nistaqsuha lill-kollegi, lill-ġirien, lill-ħbieb u lill-familja. Iżda kemm-il darba nieqfu tassew biex nisimgħu t-tweġiba? Kemm-il darba nindunaw li wara t-tweġiba ta’ rutina:  “Tajjeb, grazzi”  jista’ jkun hemm persuna li ilha ġimgħat ma torqod, li qed tiġġieled mal-ansjetà, li tilfet kull tama jew li sempliċement qed tipprova tibqa’ wieqfa ġurnata oħra?

Waħda mill-akbar traġedji ta’ żmienna hija li ħafna nies qed ibatu fis-skiet. Mhux għax ma jridux jitkellmu, iżda għax jibżgħu li mhux se jiġu mifhuma. Jibżgħu li jiġu ġġudikati, li jiġu ttikkettati jew li xi ħadd jgħidilhom li qed jeżaġeraw. Għalhekk jitbissmu. Jmorru għax-xogħol. Jattendu għall-festi tal-familja. Jpoġġu ritratti fuq il-midja soċjali. U mbagħad, meta jagħlqu l-bieb ta’ darhom, jerġgħu jiltaqgħu mal-istess silenzju li ilu jiekolhom minn ġewwa.

Is-saħħa mentali hija waħda mill-akbar sfidi tas-soċjetà moderna, iżda fl-istess ħin tibqa’ waħda mill-aktar suġġetti li nibżgħu nittrattaw b’onestà. Għadna ngħixu f’kultura fejn ħafna jaħsbu li min jitlob l-għajnuna huwa dgħajjef. Għadna nisimgħu kliem bħal “għaddiha”, “kun aktar pożittiv”, “hemm min hu agħar minnek” jew “kollox jgħaddi”. Imma l-verità hi li kliem bħal dan, anke meta jingħad b’intenzjoni tajba, jista’ jġiegħel lil persuna tħossha aktar waħedha milli kienet qabel.

Il-ħajja ma tagħmilx distinzjoni. Il-problemi tas-saħħa mentali jistgħu jħabbtu l-bieb ta’ kulħadd. Tat-tabib li kuljum isalva l-ħajjiet. Tal-pulizija li jiġri biex jgħin lil ħaddieħor. Tal-għalliem li jidħol fil-klassi b’tbissima. Tal-ħaddiem li qatt ma jonqos ġurnata xogħol. Tal-istudent li kulħadd jaħseb li għandu futur brillanti. Tal-ġenitur li jipprova jkun b’saħħtu għal uliedu minkejja li hu stess ikun qed jaqa’ biċċa biċċa minn ġewwa.

Kultant ninsew li mhux kull ferita tidher. Ninkwetaw jekk naraw driegħ miksur jew ġrieħi wara inċident, iżda ħafna drabi ma narawx il-feriti li jħalli t-telf ta’ persuna għażiża, il-falliment ta’ relazzjoni, il-biża’ li titlef ix-xogħol, il-piż tal-faqar, il-vjolenza domestika, il-bullying, is-solitudni jew id-dipendenza. Dawn huma ġrieħi li ma joħorġux demm, iżda ħafna drabi jħallu feriti ferm aktar profondi.

U forsi hawnhekk irridu nieqfu naħsbu. Kemm-il darba għaddejna minn ħdejn xi ħadd mingħajr ma ndunajna li kien qed jitlob l-għajnuna bis-skiet? Kemm-il darba ġġudikajna lil xi ħadd għax deher irrabjat, kiesaħ jew distakkat, meta forsi dak kien il-mod kif kien qed jipprova jgħix ġurnata oħra? Kemm-il darba ddeċidejna li ma nċemplux lil xi ħadd għax “żgur għandu x’jagħmel”, meta dik it-telefonata setgħet kienet proprju dak li kellu bżonn? Kemm-il darba iġġudikajna lil ħaddieħor minkejja li mmoru nibilgħu l-ostja kuljum? Għax bħal donnu għax nisimgħu il-paniġirku nhar ta’ Ħadd aħna eżentati minn dan kollu! 

Bħala komunità rridu nitgħallmu li mhux dejjem għandna bżonn insibu tweġibiet. Kultant l-akbar rigal li nistgħu nagħtu huwa li nkunu preżenti. Persuna li tkun għaddejja minn mument diffiċli mhux dejjem tkun qed tfittex soluzzjoni. Ħafna drabi tkun qed tfittex lil xi ħadd li ma jiġġudikahiex, li ma jqabbilhiex ma’ ħaddieħor u li ma jippruvax inaqqsilha minn dak li qed tħoss. Hija għalhekk li ngħid li kultant kelma inqas tkun tiswa ħafna aktar minn waħda żejda. Xi kultant silenzju mimli empatija, id fuq spalla jew sempliċement il-frażi “Jiena hawn għalik” jistgħu jkunu ħafna aktar b’saħħithom minn kull diskors twil.

Qed ngħixu wkoll f’realtà fejn il-midja soċjali qed toħloq illużjoni perikoluża. Naraw biss il-vaganzi, il-promozzjonijiet, it-tbissim u s-suċċessi. Bilkemm naraw il-lejl bla rqad, il-paniku qabel ma wieħed joħroġ mid-dar, il-biki fis-skiet jew il-ġlieda li ħafna jagħmlu biex sempliċement iqumu mis-sodda filgħodu. Meta nqabblu ħajjitna ma’ din ir-realtà artifiċjali, ħafna jispiċċaw iħossuhom mhux biżżejjed. Imma kull persuna għandha storja li ħafna drabi tibqa’ moħbija wara dak li tagħżel li turi lid-dinja.

Proprju għalhekk illum aktar minn qatt qabel għandna bżonn nitkellmu dwar il-Mental Health First Aid. Bħalma nitgħallmu nagħtu l-ewwel għajnuna fiżika lil min ikun waqa’, qed jifga jew sofra attakk tal-qalb, hekk ukoll għandna nitgħallmu nagħrfu s-sinjali ta’ kriżi mentali. Mental Health First Aid ma tagħmilniex psikologi, iżda tagħmilna aktar kapaċi nkunu bnedmin. Tgħallimna kif nersqu lejn persuna li qed tbati, kif nisimgħu mingħajr ġudizzju, kif noffru appoġġ u kif niggwidawha biex tasal għand l-għajnuna professjonali fil-ħin. Ħafna drabi l-ewwel persuna li tinnota li xi ħadd mhux sew ma tkunx tabib jew psikologu, iżda ġar, kollega, kowċ sportiv, voluntier, Sindku, membru ta’ Kunsill Lokali jew ħabib. Jekk dawn ikunu mħarrġa, jistgħu jagħmlu differenza enormi, kultant anke jsalvaw ħajja.

Hawnhekk jidħol ukoll ir-rwol kruċjali tal-komunitajiet tagħna. Il-komunità m’għandhiex tkun biss post fejn ngħixu, iżda spazju fejn inħossuna protetti. Il-Kunsilli Lokali, l-iskejjel, il-każini, l-għaqdiet volontarji, il-klabbs sportivi, il-parroċċi u kull organizzazzjoni li tiltaqa’ man-nies għandhom ir-responsabbiltà li joħolqu kultura ta’ empatija, rispett u inklużjoni. Attività komunitarja mhijiex biss divertiment. Ħafna drabi hija opportunità biex persuna toħroġ mid-dar, tiltaqa’ ma’ nies oħra u tħoss li għadha tagħmel parti minn xi ħaġa akbar minnha. Xi kultant proprju dik is-siegħa ta’ soċjalizzazzjoni tkun l-unika waħda tal-ġimgħa.

Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu fuq il-benesseri mentali biss meta jiġri traġedja. Kull darba li nisimgħu b’persuna li waslet f’punt ta’ disperazzjoni, nistaqsu x’seta’ sar. Iżda l-verità hija li l-prevenzjoni tibda ħafna qabel. Tibda meta nindunaw li ġar ilu ma jidher. Meta nċemplu lil dak il-ħabib li ilu sieket. Meta nagħmlu spazju għal min irid jitkellem. Meta nieqfu nidħku b’min qed ibati. Meta nitgħallmu li l-qalb ta’ persuna tista’ tkun ħafna aktar fraġli milli turi wiċċha.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-progress ta’ pajjiż ma jitkejjilx biss bin-numru ta’ toroq ġodda, proġetti infrastrutturali jew ċifri ekonomiċi. Jitkejjel ukoll minn kemm il-komunitajiet tiegħu huma kapaċi jieħdu ħsieb lil min waqa’ lura, lil min tilef it-triq u lil min qed jgħix ġlieda li ħadd ma jaraha. Soċjetà li tinvesti fis-saħħa mentali mhijiex qed tinvesti biss fis-servizzi tas-saħħa; qed tinvesti fil-ħajja tan-nies, fil-familji u fil-futur tagħha stess.

Qabel ma niġġudikaw lil xi ħadd, ejjew niftakru li qatt ma nkunu nafu x’ġarrab qabel wasal quddiemna. Qabel ma nagħtu parir, ejjew nisimgħu. Qabel ma nitkellmu, ejjew naħsbu jekk kliemna hux se jfejjaq jew iweġġa’. Għax kultant persuna ma tkunx teħtieġ diskors twil. Teħtieġ biss li tħoss li hemm min raha, min semagħha u min emmen fiha.

U forsi dik hija l-isbaħ definizzjoni ta’ komunità: mhux waħda fejn ħadd ma jbati, iżda waħda fejn ħadd ma jitħalla jbati waħdu.

Mario Fava

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport