Kmieni llum, kuntrattur tax-xogħlijiet fit-toroq li qed jaħdem fuq il-proġett tal-Wied tal-Imsida (Msida Creek) għamel ħsara lil partijiet mill-backbone tan-netwerk tal-fibre ta’ Melita.
Il-preżenza u r-rotta ta’ dan il-fibre kienu ġew ikkomunikati lill-awtoritajiet konċernati u lit-tim tal-proġett ferm qabel ma bdew ix-xogħlijiet. Minkejja dan, saru xogħlijiet b’makkinarju tqil b’mod irresponsabbli, li affettwaw l-infrastruttura ta’ Melita u ta’ entitajiet oħra. Din il-ħsara kkawżat interruzzjonijiet fis-servizzi tal-internet, tat-televiżjoni, tat-telefonija fissa, tal-mobile, u tal-konnettività għan-negozji fiż-żoni affettwati.
It-timijiet tekniċi ta’ Melita ntbagħtu immedjatament fuq il-post, u qed jagħtu prijorità assoluta max-xogħlijiet ta’ tiswija f’din iż-żona. Abbażi tal-evalwazzjonijiet attwali, it-tiswijiet mistennija jitlestew sal-3:00 pm, għalkemm qed isir kull sforz possibbli biex is-servizzi jiġu rrestawrati malajr u b’mod sigur kemm jista’ jkun. Ħin aktar preċiż tat-tiswija jiġi kkomunikat hekk kif is-sitwazzjoni ssir aktar ċara. Is-servizzi se jirritornaw għan-normal gradwalment, lokalità b’lokalità.
Telefonati lejn il-112 (it-tifi tan-nar, l-ambulanza, u l-pulizija) jaħdmu mill-mobiles waqt kwalunkwe interruzzjoni fis-servizz.
Melita tiskuża ruħha mal-klijenti kollha affettwati u tirringrazzjahom tal-paċenzja sakemm jitlestew it-tiswijiet.
