Il-Home Finance Hubs tal-BOV issa miftuħin madwar Malta

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta kkonkluda t-tnedija ppjanata tal-network tal-Home Finance Hubs, bil-ftuħ uffiċjali tal-Hubs fil-Fgura u Ħal Qormi jimmarka l-aħħar fażi tal-mudell ġdid ta’ servizz maħsub biex jagħmel il-proċess ta’ finanzjament tad-dar aktar faċli u personalizzat. L-erba’ Hubs joffru appoġġ speċjalizzat għall-finanzjament tad-djar madwar Malta.

Flimkien, dawn il-Hubs joħolqu network speċjalizzat għall-finanzjament tad-dar, li joffri servizz lill-klijenti madwar Malta. Tim ta’ speċjalisti qed jakkumpanja lill-klijenti mill-ewwel kuntatt sal-approvazzjoni tas-self, biex il-proċess ikun aktar sempliċi u kontinwu, b’komunikazzjoni aħjar u b’aktar ċarezza u serħan il-moħħ tul kull pass.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, qal li dan in-network jibni fuq ir-rati tal-imgħax kompetittivi tal-Bank u l-firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ finanzjament li joffri. “Id-deċiżjoni li l-klijenti jieħdu biex jixtru dar hija waħda mill-aktar deċiżjonijiet importanti għaliex tinvolvi impenn finanzjarju fuq medda ta’ snin. Għalhekk, irridu niżguraw li jkollna l-istruttura professjonali u ddedikata meħtieġa, kif ukoll persuni mħarrġa sew biex jakkumpanjaw lill-klijenti tagħna tul dan il-proċess. Bit-twaqqif sħiħ tal-Home Finance Hubs, qed nagħmlu l-proċess biex wieħed isir sid ta’ dar aktar effiċjenti, ċar u ta’ serħan il-moħħ. Permezz ta’ appoġġ speċjalizzat aktar qrib il-klijenti, nistgħu nipprovdu gwida aktar ċara, deċiżjonijiet aktar rapidi u servizz konsistenti u personalizzat f’kull stadju. L-għan tagħna huwa li naslu għall-approvazzjoni tas-self fi żmien għaxart ijiem.”

Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer, innota  li r-rispons għall-Home Finance Hubs li nfetħu aktar kmieni din is-sena kien wieħed pożittiv ħafna, bil-klijenti jilqgħu tajjeb l-assistenza  ffukata, il-gwida aktar ċara u s-servizz effiċjenti offruti tul il-proċess kollu tal-finanzjament tad-dar. Irrimarka, “Dan il-mudell huwa mfassal biex jagħti lill-klijenti aktar ċarezza u serħan il-moħħ f’mument importanti f’ħajjithom. Permezz ta’ dan il-kunċett, qed nieħdu d-deċiżjonijiet kemm jista’ jkun qrib il-klijenti.”

Iċ-Chairperson tal-BOV Dr Gordon Cordina ddeskriva l-Home Finance Hubs bħala investiment strateġiku li jsaħħaħ il-kapaċità tal-Bank li jindirizza waħda mill-aktar ħtiġijiet finanzjarji importanti tal-familji Maltin, dik li jkollhom aċċess għal finanzjament sostenibbli għad-djar. B’ħarsa lejn il-ġejjieni, qal li, filwaqt li l-valur tal-propjetà f’Malta joħloq opportunitajiet importanti għas-settur bankarju fil-qasam tal-finanzjament tad-djar, is-settur irid fl-istess waqt ikompli jadatta għall-aspettattivi dejjem jinbidlu tal-klijenti u għall-iżviluppi fid-diġitalizzazzjoni. Qal, “Bħala l-Bank ewlieni fil-qasam tas-self għad-djar f’Malta, għandna rwol importanti fis-suq tal-proprjetà residenzjali, li huwa ċentrali kemm għall-ekonomija Maltija kif ukoll għall-mudell tan-negozju tal-BOV.”

Id-Direttriċi Indipendenti u Mhux Eżekuttiva tal-BOV, Deborah Schembri, saħqet li għal ħafna klijenti, is-self għad-dar huwa ħafna aktar minn sempliċi tranżazzjoni finanzjarja. Ħafna drabi, huwa pass kruċjali biex ikunu jistgħu jibnu l-futur tagħhom. Hija qalet, “Il-Home Finance Hub jirrifletti l-impenn strateġiku tal-Bank li jpoġġi lill-klijenti fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu.” Il-Bank qed ikompli jinvesti fil-kapaċitajiet, fin-nies u fil-proċessi tiegħu biex il-proċess tas-self għad-dar ikun aktar sempliċi, rapidu u effiċjenti, filwaqt li jkompli joffri s-servizz personali u l-pariri affidabbli li l-klijenti tant japprezzaw. “Il-fiduċja tibqa’ fil-qalba tal-mod kif jaħdem il-Bank.” Hija rringrazzjat lil kull min ta sehmu biex dan il-proġett sar realtà, b’mod partikolari lill-impjegati kollha li, bid-dedikazzjoni u l-professjonalità tagħhom, ikomplu jagħmlu differenza kuljum.

Il-Home Finance Hub tal-Fgura jinsab fuq il-Fergħa tal-BOV fi Triq Hompesch. Il-Home Finance Hub ta’ Ħal Qormi jinsab fi Triq San Bastjan, minn fejn kienu qed jiġu offruti s-servizzi tal-fergħa waqt li kienet qed tiġi rinnovata l-binja fi Triq il-Knisja Arċipretali. Il-klijenti jistgħu jżuru l-Home Finance Hub li jservi r-reġjun tagħhom biex jingħataw appoġġ speċjalizzat tul il-proċess kollu tal-finanzjament ta’ darhom.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport