“Persuna tista’ tkun TCN iżda ħadd mhu bniedem tat-tielet klassi” – L-Arċisqof Scicluna

Aqra wkoll

“Persuna tista’ tkun ikklassifikata mil-liġi bħala ċittadin ta’ pajjiż terz – jew TCN, kif drajna nsejħu lil dawk li aħna stess stedinna jiġu jgħixu u jaħdmu f’pajjiżna – iżda ħadd mhu bniedem tat-tielet klassi f’għajnejn Alla. Ħadd.”

Iddikjara dan l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija waqt il-quddiesa ta’ Jum it-Tifkira li saret il-Ħadd filgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Huwa semma kif f’dan il-jum infakkru l-miljuni ta’ nies li tilfu ħajjithom fiż-żewġ Gwerer Dinjija: suldati, baħrin, membri tal-forzi tal-ajru, kif ukoll għadd bla qies ta’ ċivili innoċenti. Hawn Malta, niftakru b’mod partikolari fl-eluf ta’ rġiel u nisa li servew fil-forzi armati u li mietu jew li isimhom jinsab imfakkar f’xi monument fuq il-gżejjer tagħna, ’il bogħod minn djarhom u mill-familji tagħhom.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna qal li hu f’dan l-ispirtu ta’ tifkira u tama li llum nagħtu ġieħ lil dawk kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra, fosthom il-ħafna li sabu l-aħħar mistrieħ tagħhom hawn Malta. Qal li ċ-ċimiterji tal-gwerra tal-Commonwealth f’Malta jirrakkontaw storja tassew sinifikanti. Kważi 6,000 raġel u mara li servew fil-forzi tal-Commonwealth huma midfunin hawn jew imfakkra b’isimhom fuq monumenti.

Tenna li wara kull isem hemm persuna, ħajja umana, familja li baqgħet tibki t-telfa tagħha, u tamiet u ħolm li qatt ma setgħu jitwettqu.

L-Arċisqof żied jgħid li ż-żewġ Gwerer Dinjija – u l-ħafna gwerer u kunflitti li seħħew minn dak iż-żmien ’l hawn – ifakkruna fil-konsegwenzi terribbli ta’ meta n-nazzjonaliżmu jinbidel f’mibegħda, meta d-differenzi jsiru raġuni għad-diskriminazzjoni u meta tintesa d-dinjità tal-bniedem. Huwa kompla billi appella għar-rispett lejn il-barranin li jgħixu fostna u saħaq li kulħadd għandu dinjità.

L-Arċisqof fakkar ukoll kif l-istorja tgħallimna kemm dwar it-tbatija li ġġib magħha l-gwerra, kif ukoll dwar l-importanza tas-solidarjetà. “Illum aħna msejħin biex inħarsu u nżommu ħaj dan l-ispirtu ta’ umanità, mhux billi nwarrbu l-identità tagħna, iżda billi nesprimu dak li hemm l-isbaħ fiha permezz tar-rispett, tal-kompassjoni u tal-ospitalità,” qal l-Arċisqof Scicluna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport