It-Tlieta li għadda, il-Kabinett approva strateġija ġdida għas-settur finanzjarju ta’ pajjiżna li għandha l-għan li l-ġurisdizzjoni ta’ pajjiżna tkun waħda aktar kompetittiva, sigura u fuq kollox kredibbli.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt li kien qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista tax-Xagħra, Għawdex, fejn stqarr li s-settur tas-servizzi finanzjarji kompla jikber iżda li għandu ħafna potenzjal li jimraħ aktar.
Dr Abela tenna li l-istrateġija għas-settur finanzjarju ma fassalhiex il-Gvern waħdu iżda kien hemm aktar minn 100 professjonist f’dan il-qasam li għenu u taw il-kontribut tagħhom f’dan il-proċess.
Qal li din l-istrateġija, li se tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin, turi l-viżjoni tal-Gvern għaż-żmien li ġej f’settur tant importanti għall-pajjiż, billi neċċellaw fl-innovazzjoni, fil-qafas regolatorju b’saħħtu li diġà għandna u anke fit-teknoloġija.
“Il-ħsieb tagħna huwa li Malta tkompli tibni fuq il-proċess li għaddejna minnu fl-aħħar xhur, fejn bnejna lill-pajjiż bħala ġurisdizzjoni serja u reputabbli,” kompla jgħid il-Prim Ministru. “Irridu ngħollu ‘l fuq l-istandards, nissimplifikaw fl-istess ħin li nispeċjalizzaw u nagħmlu dan kollu bl-aktar mod sostenibbli.”