Wednesday, April 24, 2024

Darts: Hamrun Education jitilgħu l-ewwel wara rebħa fuq il-ġirien

Aqra wkoll

Ħamrun Education telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat 8-a-side tad-darts meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Top Gun Bar 6-2.

Kif mistenni l-Ħamruniżi ħarġu tajjeb tant li rebħu l-ewwel erba’ games. Il-Marsin naqqsu l-marġni tal-iskor iżda kienet diffiċli li jżommu mal-preċiżjoni ta’ Education sabiex kellhom ibaxxu rashom għat-13-il darba matul dan l-istaġun.

Floriana Ajax X Clean qed isegwu lil Education Bar b’punt warajhom wara li għelbu lil Ħamrun Bayern A 7-1.

Il-Furjaniżi ħasdu lill-avversarji Ħamruniżi li spiċċaw sofrew it-tielet telfa staġjonali fejn minkejja l-isforzi tagħhom ftit setgħu jagħmlu fil-ġurnata.

F’logħba oħra mill-ogħla diviżjoni, Fgura Kenky għelbu lil Ħamrun Bayern B 5-3.

Fit-tieni diviżjoni, ħadd ma jista’ jwaqqaf lil Birżebbuġa Lions li s’issa għadhom bla telfa matul dan l-istaġun. Huma kisbu l-11-il rebħa staġjonali wara skor ta’ 6-2 kontra Floriana Ajax X Clean B.

PO’s Bar Gudja għadhom isegwu erba’ punti warajhom wara li għelbu lil Beland Żejtun 5-3 fl-isfida diretta għat-tieni post.

Mill-banda l-oħra, Mqabba tal-Ġilju kisbu skor pożittiv ta’ 5-3 kontra Cox Bar.

Fit-tielet diviżjoni, Birgu Boċċi Club baqgħu jżommu l-quċċata tal-klassifika hekk kif għelbu lil Duke’s B 5-3 filwaqt li Żebbuġ Rangers telgħu skaluna oħra wara rebħa ta’ 6-2 fuq Duke’s A.

Finalment Mqabba FC ġew miżmuma fi draw ta’ 4-4 kontra Leah’s Bar.

KLASSIFIKA – L-EWWEL DIVIŻJONI

Ħamrun Education 34, Floriana Ajax X Clean 33, Ħamrun Bayern A 29, Fgura Kenky 25, Manchester Conquest Pub 16, Sliema Inter DC 11, Ħamrun Bayern B 9, Marsa Top Gun 3.

KLASSIFIKA – IT-TIENI DIVIŻJONI

Birżebbuġa Lions 34, PO’s Bar 29, Beland Bull’s Eye 19, Floriana Ajax X Clean B 13, Fgura Maypole B, Cox Bar 10, Mqabba Tal-Ġilju 4.

KLASSIFIKA – IT-TIELET DIVIŻJONI

Birgu Boċċi Club 30, Domus 28, Żebbuġ Rangers DT 22, Duke’s A, Duke’s B 17, Mqabba FC 4, Leah’s Bar 1

Sport