Il-kantanta ta’ fama mondjali Madonna tinsab “għajjiena u dgħajfa” ħafna wara li qabditha infezzjoni qawwija li saħansitra waslitha biex tkun rikoverata f’taqsima ta’ kura intensiva fi sptar. Din l-istilla tant maħbuba li issa għandha 64 sena, hija tant f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina li saħansitra kellha tipposponi tour kbir li kellha ppjanat għal dan ix-xahar.
Sorsi qalu lill-midja barranija “TMZ” li din l-istilla tal-mużika pop tinsab “kważi l-ħin kollu fis-sodda”. Din il-kriżi inkwetanti f’saħħet Madonna seħħet qabel ma hija ħabret li se tipposponi “The Celebration Tour” – tour ta’ 84 ġurnata li suppost kellu jibda fil-15 ta’ Lulju 2023 f’Vancouver, f’Rogers Arena.
Il-ġimgħa l-oħra, il-maniġer tagħha, Guy Oseary, qal li, “fil-mument se jkollna bżonn inwaqqfu l-attivitajiet kollha li kellna ppjanati, inkluż it-tour”.
Huwa rrapportat li Madonna kienet ilha tesperjenza deni għoli għal xahar sħiħ iżda żammet kollox sigriet bit-tama li ma tħassarx it-tour tagħha. Però, din il-kantanta waslet f’punt li ta’ bilfors kellha tieqaf u tipprijoritizza saħħitha billi tieqaf u tirkupra sew mill-infezzjoni li qabditha kkawżata minn batterji.
“Minkejja li Madonna kienet ħerqana ħafna biex tirritorna fuq il-palk malajr kemm jista’ jkun, hija ma kellhiex triq oħra għajr li tħares saħħitha bis-serjetà,” kompla sors viċin l-istess kantanta. Huwa qal li Madonna għandha ħafna nies madwarha li qegħdin jgħinuha u li hija esprimiet apprezzament għall-messaġġi kollha ta’ mħabba u inkoraġġiment li rċeviet minn mindu ddaħħlet fi sptar nhar l-24 ta’ Ġunju.
Persuni viċin tagħha assiguraw li għalkemm għadha tirkupra, Madonna hija reżiljenti u ta’ kuljum qiegħda tagħmel progress. Din l-artista famuża għal kanzunetti bħal “Like a Prayer” u “La Izla Bonita” għandha karriera brillanti twila 40 sena. Il-biljetti għat-tour imsemmi nbigħu kollha u se jkopri fl-Istati Uniti – Detroit, Chicago, Miami u New York mentri fl-Ewropa, Madonna, mistennija ttella’ kunċerti f’Londra, Barcelona u Pariġi. Barra minnhekk huwa ppjanat li din tmur ukoll għal erba’ serati fil-kapitali tal-Messiku.
Fir-repertorju ta’ din ir-rebbieħa tal-Premju Grammy hemm kanzunetti oħra famużi fosthom “Like a Virgin” u “Material Girl” li wassluha biex tkun waħda mill-aktar kantanti famużi fid-dinja. Fl-2020 Madonna kienet għamlet intervent kirurġiku f’ġenbejha wara li weġgħet fit-tour li kellha intitolat “Madame X Tour”.